Il-coronavirus ‘tfaqqar’ lill-biljunarji

Jeff Bezos (xellug) u Bill Gates … tilfuq biljuni ta’ dollari

Il-biża’ mill-marda tal-Covid-19, jew coronavirus kif inhi aktar magħrufa, ‘faqqret’ aktar minn $444 biljun lill-aktar 500 persuna sinjura fid-dinja. L-aktar li batew kienu Jeff Bezos, tal-kumpanija Amazon, u Bill Gates. Dawn it-tnejn, flimkien mal-biljunarju Franċiż Bernard Arnault, tilfu $30 biljun. Elon Musk, il-25 bniedem l-aktar sinjur fid-dinja, mar ħażin b’$9 biljun.

Il-biża’ mill-coronavirus għamel ħerba sħiha mill-istock markets madwar id-dinja fejn il-valur ta’ xi kumpanija ħadu daqqa kbira ’l isfel u herrew il-fortuni ta’ xi wħud.

Bill Gates il-ġimgħa l-oħra kiteb f’The New England Journal of Medicine li l-marda tal-coronavirus qed taġixxi bħal dik il-matda li ħakmet lid-dinja fl-1957 meta kien hemm l-influenza magħrufa bħala l-Asian Flu meta kienu mietu madwar żewġ miljun ruħ.

Elon Musk li mar ħażin b’$9 biljun

Elon Musk, li għandu kumpanija li timmanifattura karozzi li jaħdmu bl-elettriku, qal li l-kumpanija tiegħu kellha valur ta’ $917 kull ishma. Sal-aħħar tal-ġurnata l-valur tagħhom kien niżel għal $625.

Il-500 persuna l-aktar sinjura fid-dinja kellhom żieda ta’ $78 biljun fil-valur. Iżda din iż-żieda sparixxiet għal kollox f’dawn l-aħħar ġranet.