Il-coronavirus mhux kastig ta’ Alla, imma opportunità – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna għamilha ċara: dak li għaddejjin minnu mhux kastig ta’ Alla.

Huwa qal dan waqt l-omelija fuq l-Evanġelju tal-Ħadd li għadda, hu u jirrifletti dwar il-miraklu tal-fejqan tar-raġel għama. L-Arċisqof stqarr: “Ġesù jkeċċi ’l barra kull idea li dak kollu li f’għajnejna jidher żvantaġġ jew sitwazzjoni diffiċli, huwa ġej minn xi qalb iebsa ta’ Alla li jieħu gost jikkastiga lil xi ħadd.”

Għami għax dineb?

L-Arċisqof qal li Ġesù jiltaqa’ ma’ raġel għama u d-dixxipli tiegħu jistaqsu jekk dan kienx nieqes mid-dawl minħabba li hu dineb jew li dinbu l-ġenituri tiegħu. Din kienet idea li, fi żmien Ġesù, kienet komuni ħafna. Kultant, għalkemm rari, għadek issibha llum ukoll.

Alla mhux bħall-allat tiranni

L-Arċisqof qal li l-idea kienet li Alla jikkastiga, li Alla jpatti, għaliex Alla hu rrabjat u tirann. Din l-idea kienet prevalenti ħafna fi żmien Kristu minħabba li r-reliġjonijiet f’dawk iż-żminijiet kienu antropomorfiċi, jiġifieri li kienu jsawru lill-allat f’bixra ta’ bnedmin bix-xewqat, bil-preġji u d-difetti kollha tagħhom. L-allat ta’ żmien Kristu kienu bnedmin imma aktar potenti.

L-Arċisqof qal li Ġesù, bil-ġesti tiegħu, bil-mod kif kien jipprietka u jaġixxi man-nies ta’ żmienu, wera li Alla hu mħabba u ħniena. Ġesù mhux bħall-allat li kellhom bżonn ikunu ikkuntentati għax inkella ‘jpatthuhielek’ b’xi diżabbiltà jew sfortuna.

Il-poplu Lhudi wkoll kellu din l-idea fil-konfront ta’ Alla u allura mard jew nuqqas ta’ dawl, smigħ eċċ kienu jqisuhom bħala kastig ta’ Alla. Sa ċertu punt din il-mentalità għadha magħna llum. Ħafna tismagħhom (fiċ-ċirkostanzi li qegħdin fihom, taqrahom) jgħidu li din xi kastig jew tal-anqas tbeżbiża ta’ Alla lid-dinja.

Alla ma jikkastigax

“Alla ma jbeżbiżx; Alla mhux kattiv, mhux qalbu iebsa. Imma dak li jiġri madwarna jista’ jgħinna ngħarfu l-għemil ta’ Alla fina”, tenna l-Arċisqof.

“Aħna nuru l-għemil ta’ Alla fina fiċ-ċirkustanzi iebsa li qegħdin ngħaddu minnhom, jekk ngħożżu lil xulxin, jekk nieħdu ħsieb xulxin, jekk nobdu l-indikazzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa u nevitaw l-kuntatt mhux neċessarju, anzi kull kuntatt, għall-ġid komuni u għas-saħħa ta’ kulħadd.”

Hu temm l-omelija bit-tama li dawn iċ-ċirkostanzi jkomplu jsaħħu fina l-fidi kif issaħħet f’dak ir-raġel imfejjaq, nibdew naraw il-ħajja tagħna b’mod aktar essenzjali. Esprima x-xewqa tiegħu li minn dawn iċ-ċirkostanzi mudlama nilmhu f’Alla raġġ ta’ dawl u li l-ġesti tagħna jsiru “ġesti ta’ solidarjetà, ninfatmu mill-egoiżmu naturali tagħna li twelidna bih, u nħarsu lejn ħutna kif jarahom Alla.”

Tista’ tara l-omelija kollha hawn

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn