“Il-coronavirus mhuwiex il-pesta” – Robert Abela

PL

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela appella lil kulħadd biex jibqa’ kalm għaliex il-coronavirus mhuwiex il-pesta u li mhux se jiġi affettwat kulħadd.

Waqt attività politika fir-Rabat, Abela qal li statistiċi minn pajjiżi oħra wrew li l-maġġoranza tan-nies li mardu bil-COVID-19 irkupraw mingħajr ma kellhom bżonn jidħlu l-isptar.

Id-diskors tal-Ħadd ta’ Abela kien iddominat bil-coronavirus. Tkellem ftit dwar l-inċident tal-Ħamrun li fih mietet Miriam Pace ta’ 54 sena u l-Jum Internazzjonali tal-Mara.

Is-Sibt, l-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li tliet persuni ttestjaw pożittiv għall-COVID-19. Il-familja li kienet fuq btala fl-Italja kienet fi kwarantina fid-dar tagħha. Eventwalment żviluppaw sintomi assoċjati mal-coronavirus. Il-familja ttieħdet lejn l-isptar Mater Dei u tinsab f’iżolament. S’issa l-ġenituri u t-tifla tagħhom qegħdin f’kundizzjoni tajba.

Abela appella lill-pubbliku biex jibqa’ kalm u jaħseb b’mod razzjonali. Qal li għalkemm jifhem li wieħed jaf ikun qed jibża’, wieħed xorta għandu jirreferi għall-fatti.

“Din mhix sitwazzjoni għall-midja soċjali,” qal Abela. “Iċ-ċirkostanzi li għaddejjin minnhom bħalissa juru li dan huwa Gvern serju,” qal Abela li żied jgħid li l-virus sab lil Malta lesta għalih.

Abela qal li l-pajjiżi bl-aħjar rati ta’ nies li jirkupraw kienu dawk b’sistemi tas-saħħa tajbin, bħal Malta.

“Nifhem li din hija marda infettiva li tista’ tinfirex, imma li hemm ukoll rata għolja ta’ rkupru,” saħaq Abela.

“Mhux se jkun hemm inċidenti simili”

“Mhux se jkun hemm inċidenti simili fil-futur. Dawn l-inċidenti mhumiex aċċettabbli fis-soċjeta tagħhna,” saħaq Abela.

Qal li ma riedx jitkellem dwar il-mertu ta’ dan il-każ peress li ma riedx jippreġudikah. Qal li f’dan il-każ il-Gvern m’għamel xejn ħlief li jinkoraġġixxi lill-istituzzjonijiet biex jagħmlu xogħolhom.

Irrefera għall-kumitat tekniku li l-Gvern reċentament ħatar biex jirrevedi l-liġi. Qal li dan se jsir mingħajr ma ssir ħsara lill-industrija tal-kostruzzjoni.

Abela appella lil dawk f’din l-industrija biex jimxu mal-liġi u mar-regolamenti. “Dawn huma affarijiet sempliċi li wieħed jista’ jagħmel u jekk jiġu osservati igawdi kulħadd,” qal Abela.