L-imxija tal-coronavirus li kienet fl-eqqel tagħha bejn Marzu u Mejju ta’ din is-sena, meta l-ħruġ kien limitat minħabba għadd ta’ restrizzjonijiet implimentati, jidher li ma waqqfitx lill-Għawdxin milli jagħtu d-demm, peress li sa tmiem Mejju, kienu marru jagħtu d-demm madwar 600 persuna, ftit inqas minn nofs in-nies li taw id-demm is-sena li għaddiet.
Fi statistika ppubblikata fil-Parlament mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, meta mistoqsi fuq dan mid-Deputat Nazzjonalista Għawdxi Chris Said, jidher li sa tmiem Mejju ta’ din is-sena, marru 617-il persuna jagħtu d-demm, b’total ta’ 501 donazzjoni.
Is-sena li għaddiet marru 1,604 persuni jagħtu d-demm b’total ta’ 1,326 donazzjoni. Din kienet l-inqas sena li fiha ngħata demm mill-2011 sal-lum. Min-naħa l-oħra, l-aktar sena li fiha saru donazzjonijiet tad-demm mill-Għawdxin kienet l-2016, meta rrikorrew 2,187 donatur u saru 1,798 donazzjoni.
L-istatistika
Donazzjonijiet tad-demm f’Għawdex | ||
Sena | Donaturi | Donazzjonijiet |
2011 | 1669 | 1520 |
2012 | 1776 | 1541 |
2013 | 1854 | 1627 |
2014 | 2070 | 1684 |
2015 | 2161 | 1716 |
2016 | 2187 | 1798 |
2017 | 1903 | 1602 |
2018 | 1786 | 1444 |
2019 | 1604 | 1326 |
2020 (sa tmiem Mejju) | 617 | 501 |
L-MP Said staqsa wkoll hemmx il-ħsieb li l-Bank tad-Demm f’Għawdex jibda jiftaħ kuljum minflok darba kull 15-il ġurnata, sabiex dan ikun aktar aċċessibbli. Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Fearne wieġeb li l-NBTS minn żmien għal żmien jagħmlu analiżi f’Għawdex, u jekk ikun tinstab il-ħtieġa, jiġi kkunsidrat li l-Bank tad-Demm jinfetaħ aktar ta’ spiss.