Il-coronavirus ma twaqqafx koppja anzjana milli jagħtu bewsa sinċiera lil xulxin

Read in English.

Ritratt li qed idur bħalissa fuq il-midja soċjali qed iqanqal ħafna interess u huwa riflessjoni ċara ta’ dak li ħafna qed jgħaddu minnu bħalissa. Meħud f’dar tal-anzjani f’Barcelona fi Spanja r-ritratt juri koppja li sfortunatament qed ikollhom jgħixu mifruda f’dan il-perjodu.

Agustina u Pascual ilhom 59 sena miżżewġa u llum minħabba fil-pandemija spiċċaw biex qattgħu 103 ġurnata ‘l bogħod minn xulxin. Hu jinsab f’dar tal-anzjani u wara perjodu separati għax ma kienux qed jitħallew viżitaturi jidħlu, il-mara kienet fost l-ewwel li marret tistenna biex tidħol tara lil żewġha.

Iżda ovvjament kif jindika dan ir-ritratt li qed iqajjem ħafna kuxjenza fuq is-sitwazzjoni preżenti, il-koppja, bħal ħafna oħrajn, kellhom jaraw lil xulxin minn wara l-perspek, lebsin maskra u saħansitra bi plastic madwar idejhom biex żgur ma jkunx hemm possibbilità li jgħaddu l-virus f’każ li xi ħadd minnhom kien infettat.

Fost dawk li xerred dan ir-ritratt u tkellem dwaru kif hemm Clayton Luke Mula, Viċi Sindku ta’ San Ġiljan li ddeskriva din ix-xena bħala waħda li tqanqal emozzjoni u tqabbiżlek demgħa minn għajnejk. 

Bewsa sinċiera bejn din il-koppja anzjana f’dar tal-anzjani li tifridhom hemm il-perspek u l-maskra, waqt li jdawru jdejhom ma’ xulxin.

Ritratt li mingħajr ma trid iqanqallek emozzjoni u jqabbiżlek demgħa minn għajnejk. 😢Bewsa sinċiera bejn din il-koppja…

Posted by Clayton Luke Mula on Wednesday, November 4, 2020

“Ritratt ta’ qsim il-qalb għalina li naraw dan ir-ritratt, aħseb u ara għal dawn iż-żewġ anzjani,” kiteb Mula fil-post tiegħu.