Wieħed mis-6 vittmi ma mietx bil-Covid-19; problemi fil-musrana

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne stqarr li wieħed mis-sitt persuni rappurtati bħala vittmi tal-coronavirus, il-virus ma kienx il-kawża prinċipali tal-mewt tiegħu.

Il-Ministru Fearne kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tal-MP Godfrey Farrugia li staqsa għal rendikont dwar il-każi tal-coronavirus fil-pajjiż. Waħda mill-mistoqsijiet kienet tirrivolvi dwar il-każi tal-imwiet minħabba l-virus.

Il-Ministru Fearne spjega li filwaqt li f’ħamsa mill-imwiet, il-kawża prinċipali kien il-virus, fil-mewta l-oħra, il-coronavirus kien biss kawża kontributorja għall-mewt. Qal li l-kawża tal-mewt prinċipali f’dak il-każ kienet relatata mal-musrana.

Fearne spjega li ma setax jagħti aktar informazzjoni dwar il-każ speċifiku għaliex jista’ jwassal għal identifikazzjoni tal-persuni individwali, liema informazzjoni hija ta’ sensittivita’ kbira għall-qraba tal-mejta, skont il-parametri tal-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data, 2018.

Newsbook.com.mt tkellem mal-MP Godfrey Farrugia li spjega eżatt kif ħareġ dan ir-riżultat. Hu spjega li meta tmut persuna u jasal biex jinħareġ ċertifikat tal-mewt ikun hemm imniżżel ir-raġuni ewlenija/primarja tal-mewt u jekk kienx hemm xi kawża kontributorja għall-mewt. Spjega li per eżempju jista’ jkollok każ fejn persuna tmut minħabba arrest kardijaku imma fattur kontributorju jista’ jkun id-dijabete.

Farrugia qal li s-sitt każ partikolari jidher li huwa wieħed fejn il-pazjent kien diġà marid sew bil-musrana. Qal li dan inħakem mill-coronavirus, imma ma kellux il-marda magħrufa bħala Acute Respiratory Distress Syndrome. Qal li minħabba f’hekk il-kawża prinċipali tal-mewt tiegħu ma kinitx il-coronavirus. Qal li wieħed irid imut kawża tal-Acute Respiratory Distress Syndrome biex il-kawża tal-mewt prinċipali tkun ikkonfermata bħala l-coronavirus.

Medja ta’ 16-il jum biex persuni jfiqu mill-virus

Hu u jwieġeb is-sensiela ta’ mistoqsijiet ta’ Farrugia fil-Parlament, Fearne spjega li l-medja ta’ ġranet ta’ konvalexxenza tal-persuni li rriżultaw pożittivi għall-COVID-19 mid-data tat-test u sakemm instabu li fiequ hija ta’ 16 il-ġurnata. Minn dawn, 25% tal-persuni li rriżultaw b’test pożittiv tal-COVID-19, ma kellhomx sintomi u jekk tnaqqas ir-residenti taċ-ċentru l-miftuħ ta’ Ħal Far ir-rata hija ta 13%.    

Fejn jinżammu l-pazjenti pożittivi?

Fearne kompla jispjega kif 19% tal-pazjenti li rriżultaw pożittivi għall-COVID-19 nżammu għall-kura fl-IDU fl-Isptar Mater Dei għal iktar minn ġurnata waħda. Qal kien hemm ukoll 11-il persuna li kellhom bżonn il-kura fl-Intensive Theraphy Unit. Spjega li minn dawn erba’ pazjenti kellhom bżonn assistenza tal-ventilator fl-ITU ta’ Mater Dei.

55% ta’ pazjenti li rriżultaw b’test pożittiv tal-COVID-19 qalu li ħadu l-vaċċin tal-influwenza is-sena l-oħra.

Huwa qal li d-Dipartiment għas-Saħħa mexa ma’ kriterji u case definition ta’ każijiet pożittivi għall- COVID-19. Qal li mexa ma’ linji gwida ippublikati kontinwament, mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) kif ukoll mill-ECDC, iċ-ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Mard. Il-Ministru qal li kull persuna li kienet taqa’ taħt dawn il-kriterji, kienet qed tiġi mibgħuta biex tieħu l-kampjun u jiġi ttestjat.

Rappurtaġġ addizzjonali minn Paul Cachia.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn