Il-coronavirus kważi qatilni – Malti fi Spanja

Read in English.

Żagħżugħ Malti li jgħix fi Spanja qal li l-coronavirus kważi wassal għall-mewt tiegħu.

Permezz ta’ post fuq Facebook, Matthias Kentzia, kiteb dwar l-esperjenza tiegħu biex iqajjem kuxjenza dwar is-severità tas-sitwazzjoni.

Ilbieraħ tard filgħaxija, Kentzia spjega li kien għadu kemm wasal lura d-dar wara li għamel ġimgħatejn f’sodda ta’ sptar Spanjol jissielet kontra l-coronavirus u l-pneumonia li kkawżalu l-virus.

Irrimarka li hu għandu 27 sena u dejjem għex stil ta’ ħajja “healthy”, kien bniedem attiv u ma kellux kundizzjonijiet mediċi jew mard kroniku. Minkejja dan, sostna li l-COVID-19 wasslu sabiex jispiċċa kważi pparalizzat minħabba d-deni li telgħalu u l-bżonn ta’ ossiġnu 24 siegħa kuljum.

It-Tnejn 30 ta’ Marzu
Filmat: 5 każi ġodda

Irrimarka li la hu m’hu invinċibbli u lanqas kwalunkwe persuna oħra. Sostna li kulħadd huwa vulnerabbli, b’hekk ħass li kien fi dmir tiegħu li jitkellem dwar l-esperjenza tiegħu onlajn.

Semma kif il-qasam tas-saħħa madwar id-dinja qed isibha diffiċli jlaħħaq mad-domanda għall-kura tal-virus. Qal li hemm sistemi tas-saħħa li spiċċaw ikkollassaw kompletament, b’eluf ta’ persuni qed jispiċċaw imutu ta’ kuljum. Sostna li d-dedikazzjoni u s-sagrifiċċju li qed jagħmlu l-eluf ta’ ħaddiema fil-qasam tas-saħħa huwa indeskrivibbli. Qal li hemm ħafna minn dawn l-istess ħaddiema li qed jispiċċaw jimirdu huma stess u saħansitra kien hemm min miet kawża ta’ dan.

Hu talab sabiex kulħadd jisma’ mill-professjonisti u b’hekk juri r-rispett u s-sapport tiegħu lejhom. Sostna li jekk wieħed jibqa’ d-dar, jiżola lilu nniffsu u jaħsel idejh ikun qed jgħin sabiex il-virus ma jkomplix jinfirex. Insista li bħalissa mhux iż-żmien fejn il-pubbliku jkun egoist iżda ż-żmien fejn isiru s-sagrifiċċji għall-ġid komuni.

Filwaqt li qal li jifhem li wieħed jibqa’ d-dar mhux xi ħaġa faċli, li wieħed jispiċċa f’qiegħ ta’ sodda jiġġieled biex jipprova jieħu nifs huwa ħafna agħar.

COVID-19 almost killed me.I've just come home from 2 weeks of lying in a Spanish hospital bed, battling the novel…

Posted by Matthias Kentzia on Monday, March 30, 2020

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn