Il-coronavirus kif qed jaffettwa s-saħħa mentali tal-Maltin?

Il-Fondazzjoni Richmond qed taħdem flimkien mal-kumpanija ta’ riċerka Esprimi sabiex flimkien isibu r-risposta għad-domanda: “Il-coronavirus kif qed jaffettwa s-saħħa mentali tal-Maltin?”

Fi stqarrija, il-Fondazzjoni spjegat li l-mira tagħha hija li tosserva l-istat psikoloġiku tal-Maltin u l-Għawdxin waqt l-impatt ta’ din il-pandemija. Qalet li apparti minn dan l-ewwel stħarriġ, se tkompli tagħmel r-riċerka tagħha sabiex tifhem aħjar l-esperjenza tar-residenti Maltin li għexu taħt l-ordni tal-kwarantina, flimkien ma’ miżuri oħra.

Il-Fondazzjoni qed tagħmel dan sabiex tifhem aħjar kif ċertu sintomi mentali jistgħu jġu nnutati minn żmien bikri u b’hekk jitwettqu l-interventi neċessarji mill-Fondazzjoni Richmond, b’rakkomandazzjonijiet lill-Gvern.

Kompliet tgħid kif qed tipprova wkoll tifhem aħjar ċertu aspetti relatati mas-saħħa mentali wara dawn il-miżuri mwettqa mingħajr preċedent. Dan wara li numru kbir ta’ persuni esprimew tħassib u ansjetà hekk kif ġiet imħabbra l-aħbar tal-pandemija li misset lil pajjiżna wkoll.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond, Stephania Dimech Sant, filwaqt li aċċennat fuq l-importanza tas-saħħa fiżika, saħqet wkoll fuq kemm din il-pandemija ġabet magħha problemi relatati mas-saħħa mentali fil-komunità tagħna. Dan jaf iħalli effett akbar u aktar fit-tul minn dak marbut mas-saħħa fiżika. Għalhekk, sostniet li hemm bżonn li ssir osservazzjoni u wieħed jgħaraf sew kif l-aħjar inħarsu is-saħħa mentali tal-kommunità fl-immedjat, u bl-aktar mod effiċjenti u effettiv.

Intant, il-Kap Eżekuttiv ta’ ‘Esprimi’, Marco Parnis, sostna fuq l-importanza tas-saħħa mentali, u għalhekk il-bżonn li tingħata l-għajnuna lil dawk li qed isofru u jeħtieġu l-għajnuna. Tenna kemm hu importanti li wieħed iħares ‘il quddiem.

Jekk għandek 15-il minuta u tista’ tipparteċipa fl-istħarriġ ta’ Richmond Foundation tista’ tagħmel dan billi tgħafas hawn. Ir-risposti se jinġabru u jinżammu għall-konklużjonijiet neċessarji. L-ismijiet tal-parteċipanti mhux se jiġu ppubblikati fir-riżultati.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn