Il-coronavirus kif qed jaffettwa lin-nies emozzjonalment?

REUTERS/Yara Nardi

Read in English.

Il-pandemija tal-Covid-19 fixklet il-ħajja b’diversi modi. Li noqogħdu d-dar u nżommu ‘l bogħod minn xulxin saru fost l-iktar għodda importanti sabiex nikkontrollaw din il-marda. Dawn il-miżuri jista’ jkollhom impatt qawwi fuq l-emozzjonijiet u l-benesseri tan-nies, u għal dan il-għan, l-Università ta’ Malta qiegħda tingħaqad fi proġett kollaborattiv internazzjonali sabiex tirriċerka l-emozzjonijiet tan-nies f’dan il-perjodu storiku.

Grupp internazzjonali ta’ riċerkaturi qed jiġbru informazzjoni dwar l-esperjenzi emozzjonali u r-reżiljenza tan-nies waqt il-pandemija Covid-19 madwar id-dinja. Dan it-tim ta’ riċerka interdixxiplinarja huwa kompost minn iktar minn 60 membru, li ġejjin minn oqsma differenti bħall-psikoloġija, il-psikjatrija, is-saħħa pubblika u x-xjenzi soċjali.

L-għan tal-istudju huwa li jifhem l-esperjenzi emozzjonali tan-nies waqt li jitbiegħdu mis-soċjetà, li jħares lejn l-irwol t’aġir prosoċjali biex jgħin lin-nies ikampaw aħjar fil-pandemija, u li jeżamina varjazzjonijiet individwali u kulturali. F’għaxart ijiem, il-kwestjonarju imtela minn iktar minn 11,000 persuna minn 100 pajjiż differenti.

Dan l-istudju se jgħin lir-riċerkaturi jifhmu kif l-impatt tal-miżuri preventivi jvarja skont il-kulturi differenti, u se jagħti stampa iktar ċara tal-effetti ta’ dawn l-interventi fuq il-popolazzjoni lokali. L-Università qed taspira li tuża din l-informazzjoni biex tassisti f’miżuri li jistgħu jittieħdu f’sitwazzjonijiet ta’ lockdown fil-futur.

Kull min għandu aktar minn 16-il sena jista’ jipparteċipa f’dan l-istudju billi jimla l-kwestjonarju. Agħfas hawn għall-verżjoni bil-Malti u hawn għall-verżjoni bl-Ingliż.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn