Il-coronavirus joqtol 34 persuna fl-Italja; 1,600 infettati

REUTERS/Stringer

In-numru ta’ persuni mejtin minħabba l-coronavirus fl-Italja tela’ għal 34, filwaqt li kważi 1,600 huma infettati.

Skejjel u universitajiet Taljani se jibqgħu magħluqin għat-tieni ġimgħa konsekuttiva fi tliet reġjuni fit-Tramuntana tal-Italja. Il-ġurnal Taljan La Repubblica qal li fiequ 83 persuna.

Franza ħabbret li avvenimenti fejn tinġabar massa ta’ nies, ta’ iżjed minn 5,000 persuna, se jiġu pprojbiti għalissa. Ġew irrappurtati 16-il każ ġdid, b’total ta’ 73. Illum il-mużew Louvre f’Pariġi ma fetaħx, għaliex l-ħaddiema rrifjutaw li jidħlu għax-xogħol minħabba biża’ mill-virus. Fl-Iżvizzera wkoll mhumiex isiru avvenimenti ta’ iżjed minn 1,000 persuna.

Illum ġew ikkonfermati 12-il każ ġdid fir-Renju Unit, jiġifieri issa hemm total ta’ 35 pazjent bil-coronavirus.

Ilbieraħ l-Ekwador ħabbar l-ewwel każ tiegħu, mara li kienet ġejja minn Madrid, filwaqt li l-Messiku rrapporta erba’ każijiet, kollha nies ġejjin mill-Italja. Il-Brażil ħabbar it-tieni każ tiegħu wkoll.

L-Istati Uniti ħabbar l-ewwel fatalità minħabba l-virus.