Filmat: Il-coronavirus jista’ jikkawża kumplikazzjonijiet tal-qalb – kardjologu

Read in English.

Il-coronavirus jista’ jikkawża ħafna problemi tal-qalb skont Dr Andrew Cassar Maempel, li huwa konsulent fil-kardjoloġija fl-Isptar Mater Dei u lekċerer fl-Università ta’ Malta.

Dan qalu waqt intervista li għamlitlu Monique Agius minn Newsbook.com.mt din il-ġimgħa. L-intervista saret wara li studju riċenti wera li l-infezzjoni tal-coronavirus tħalli impatt fuq il-qalb. Dan qajjem tħassib fuq il-konsegwenzi tal-virus.

Dr Cassar Maempel spjega li mir-riċerka li saret riċentament, jidher li l-virus jattakka kwalunkwe organu fil-ġisem. Qal li l-virus instab fil-qalb, fil-kliewi, fil-pulmun, fil-fwied, fil-moħħ u anke fis-sistema ta’ diġestjoni tal-bniedem, u li jista’ jippreżenta ruħu f’diversi modi, jiddependi minn liema organu jattakka l-aktar u s-sintomi li jiżviluppaw.

Problemi tal-qalb

Il-kardjologu spjega li l-coronavirus jista’ joħloq problemi tal-qalb b’diversi modi. Jista’, pereżempju, joħloq ferita diretta fil-muskolu tal-qalb li jikkawża infjammazzjoni tal-qalb. Jista’ jattakka l-endotelju, li hi d-dawra tal-qalb, u dan jikkawża attakk tal-qalb. Inkella, jista’ joħloq attakk tal-qalb bl-istress ikkawżat mill-coronavirus. Il-virus jista’ jwassal ukoll biex il-qalb tiddgħajjef, jew biex wieħed ikollu wġigħ f’qalbu minħabba ritmi mhux normali tal-qalb.

Dr Cassar Maempel semma li mhuwiex ċar jekk l-infjammazzjoni kkawżata fil-qalb hijiex temporanja jew permanenti. Għadu mhux ċar peress li l-virus ilu jeżisti madwar disa’ xhur, allura jeħtieġ li jkun hemm aktar żmien biex issir riċerka dwaru. Ir-riċerkaturi jistgħu jibqgħu jsegwu lill-pazjenti li qabadhom il-virus issa tul is-snin li ġejjin biex jassessjaw l-impatt tal-virus.

78% tal-pazjenti li ‘fiequ’ mill-virus kellhom evidenza ta’ involviment fil-qalb – studju

Il-kardjologu kkummenta fuq l-istudju xjentifiku Outcomes of Cardiovascular Magnetic Resonance Imaging in Patients Recently Recovered From Coronavirus Disease 2019 (COVID-19), li mill-parteċipanti tiegħu, aktar minn 100 kienu bla sintomi.

L-istudju eżamina l-MRIs li saru lil 100 persuna li fiequ mill-Covid-19 u dawn ġew ikkumparati ma’ oħrajn li saru lil 100 persuna simili li ma kellhomx il-virus. L-età medja tagħhom kienet ta’ 49 sena u żewġ terzi minnhom fiequ d-dar.

Hu u jikkummenta fuq ir-riżultati, Dr Cassar Maempel innota li erba’ minn ħames pazjenti fl-istudju kellhom xi ħaġa f’qalbhom. Minn dawn, 32% kellhom ftit infjammazzjoni u ferita wkoll. Il-ferita li kellhom 20% tal-pazjenti kienet ikkawżata mill-infjammazzjoni myocarditis.

B’hekk huwa kkonkluda li skont din ir-riċerka, erba’ minn kull ħames pazjenti li jkollhom il-coronavirus ikollhom xi tip ta’ problema f’qalbhom, iżda f’dan l-istadju mhux magħruf ikollhomx sintomi jew le.

Dr Cassar Maempel iddeskriva l-istudju bħala wieħed importanti għaliex jinkwetana dwar x’se jiġri fil-futur jekk dawn il-pazjenti jiżviluppaw sintomi fit-tul.

Mistoqsi jekk testijiet bħal dawn humiex isiru fuq pazjenti li jaqbadhom il-virus, huwa qal li nies bla sintomi li qed jirkupraw f’darhom ma jagħmlux testijiet hekk. Dawk il-pazjenti li jiddaħħlu l-isptar minħabba sintomi aktar severi jsirulhom testijiet differenti, bħal ECG. Skont ir-riżultati u l-kundizzjoni tal-pazjent inkwistjoni mbagħad, jiġu eżaminati aħjar. L-MRIs qegħdin isiru fuq xi każijiet speċifiċi.

Il-Covid-19 u d-demm magħqud

Lil Dr Cassar Maempel staqsejnieh fuq ir-rabta bejn il-virus u d-demm magħqud.

Huwa spjega li ġie osservat li l-coronavirus iżid id-demm magħqud fi tliet modi: jew billi l-coronavirus jagħmel il-ħsara lid-dawra taċ-ċelloli tad-demm, jew permezz ta’ infjammazzjoni fil-ġisem kollu, inkella meta persuna tkun qed tingħata kura intensiva għall-virus u ma tkunx qed tiċċaqlaq.

Il-biża’ mill-coronavirus fost nies li tahom attakk tal-qalb

Il-kardjologu qal li skont studji li saru fl-Istati Uniti, fl-Italja u fi Spanja, waqt l-ewwel mewġa tal-virus, in-nies li marru l-isptar b’attakk tal-qalb akut naqsu bin-nofs, iżda l-imwiet minħabba attakki tal-qalb barra mill-isptarijiet żdiedu.

Dan billi ħafna nies li jagħtihom attakk tal-qalb bdew jibżgħu jmorru l-isptar minħabba l-virus. Dan ġie osservat f’Malta wkoll meta kienet f’lockdown parzjali, pereżempju Dr Cassar Maempel semma kif pazjent tiegħu qatta’ jumejn id-dar b’attakk tal-qalb qabel ma fittex l-għajnuna medika.

Il-kardjologu għamel appell lil dawk li jkollhom sintomi ta’ attakk tal-qalb biex ifittxu l-għajnuna. Żied jgħid li l-isptar huwa post sigur, u li n-nies li jaħdmu hemmhekk ta’ sikwit jagħmlu t-test tal-coronavirus. Semma wkoll li kull pazjent li jidħol l-isptar jiġi ċċekkjat jekk għandux il-coronavirus.

Iffilmjar u editjar: Miguela Xuereb
Intervista: Monique Agius

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn