Il-coronavirus jasal l-Antartika

Read in English.

Il-coronavirus uffiċjalment infirex f’kull kontinent fid-dinja, issa li nstabu l-ewwel każijiet tiegħu fl-Antartika.

36 każ ġew rappurtati f’bażi ta’ riċerka taċ-Ċilì ġol-Antartika, bl-isem Base General Bernardo O’Higgins Riquelme. Il-pazjenti huma 26 membru tal-armata taċ-Ċilì u 10 ħaddiema tal-manutenzjoni.

Dawn is-36 persuna ttieħdu fil-belt Punta Arenas, fin-Nofsinhar taċ-Ċilì, u jidher li kollha jinsabu f’qagħda tajba. Tliet membri tal-ekwipaġġ fuq vapur li kien jgħin lill-persuni msemmija wkoll irriżulta li għandhom il-coronavirus.

Il-kontinent m’għandu l-ebda residenti permanenti, imma għandu għadd ta’ postijiet ta’ riċerka bl-impjegati. Il-popolazzjoni tal-Antartika ġeneralment tvarja minn 1,000 fix-xitwa għal 5,000 fis-sajf.

It-tifrix tal-coronavirus spiċċa interrompa x-xogħol ta’ riċerka xjentifika li kien qed isir fil-kontinent.