Il-Coronavirus jasal il-Ġermanja

Read in English.

L-awtoritajiet tas-saħħa Ġermaniżi qalu li raġel fil-Bavarja laqqat il-coronavirus Ċiniż minn kollega li kienet qed iżżuru miċ-Ċina. Huwa maħsub li dan huwa l-ewwel każ ta’ trażmissjoni minn persuna għal persuna oħra fl-Ewropa.

Skont rapporti fil-midja, l-awtoritajiet għamlu testijiet fuq ir-raġel li rriżultaw għall-coronavirus il-ġdid. Il-mara li infettatu kienet qed tħossha marida fuq it-titjira lura lejn id-dar tagħha f’Shanghai. L-awtoritajiet qed jgħidu li r-raġel jinsab f’kundizzjoni medika tajba.

Malta m’għandhiex għalfejn tagħmel screening fuq passiġġieri deħlin fl-ajruport skont l-awtoritajiet tas-saħħa lokali.

Is-Sovritendenza għas-Saħħa Pubblika qalet lil Newsbook.com.mt li l-parir li ngħata miċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll u Prevenzjoni tal-Mard (ECDC) hu li l-iscreening fuq persuni li jkunu għadhom kemm daħlu fil-pajjiż mhuwiex ikkunsidrat bħala miżura effetiva biex taqbad mard infettiv.

Id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard ħareġ avviż għal dawk in-nies li se jsiefru ċ-Ċina, sabiex jieħdu xi prekawzjonijiet sabiex ma jlaqqtux il-coronavirus.

L-awtoritajiet Ċiniżi waqqfu t-trasport pubbliku kollu minn u lejn Wuhan, il-belt Ċiniża ta’ 11-il miljun persuna fejn feġġ il-virus misterjuż.

Diversi ajruporti madwar id-dinja, fosthom fl-Italja u l-Ingilterra, qed jagħmlu screenings minħabba l-coronavirus.