Il-coronavirus għadu mhux pandemija – WHO

REUTERS/Aly Song

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li l-coronavirus għadu mhux fi stat ta’ pandemija. Pandemija hija meta marda ġdida tinfirex madwar id-dinja kollha, skont l-Għaqda.

Minn tal-inqas 427 persuna mietu kawża ta’ dan il-virus filwaqt li hemm mal-20,000 każ kkonfermat s’issa. Il-maġġoranza tal-każijiet jinsabu fiċ-Ċina.

Aktar minn 24 pajjiż sa issa rrappurtaw li għandhom każijiet tal-coronavirus, imma sa issa ma jidhirx li dan il-virus laħaq lill-Afrika u l-Amerika Latina.

Propju llum, tliet pajjiż oħrajn fl-Asja, Singapore, Malażja u t-Tajlanda kkonfermaw li l-infezzjoni qed taffettwa persuni li ma kinux siefru lejn iċ-Ċina. Skont uffiċċjali, jidher li 425 persuna mietu fiċ-Ċina, persuna oħra f’Hong Kong u persuna oħra fil-Filippini.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmiane Gauci qalet ma’ Newsbook.com.mt li s’issa test wieħed biss sar għall-coronavirus. L-awtoritajiet qed isegwu wkoll erba’ persuni b’rabtiet mal-ivjaġġar reċenti fiċ-Ċina.

It-Tnejn filgħaxija l-awtoritajiet tas-saħħa organizzaw seminar dwar dan il-virus għall-professjonisti li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa fil-Malta Life Sciences Park f’San Ġwann. Il-panel kollha qablu li m’hemmx bżonn ta’ allarm fil-pajjiż.