“Il-coronavirus ġab spejjeż żejda fuq il-Kunsilli” – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia sostna li ilu sa minn nofs Marzu jitlob lill-Gvern sabiex jagħti aktar finanzi lill-Kunsilli Lokali f’dan il-perjodu diffiċli. Hu qal dan waqt laqgħa virtwali li kellu ma’ numru ta’ sindki f’Kunsilli Lokali b’maġġoranza Nazzjonalista.

Fi stqarrija kien spjegat kif Delia saħaq li l-Gvern għandu jara li jwieżen b’mod finanzjarju lill-Kunsilli Lokali billi jgħaddilhom ammont ta’ flus xieraq sabiex jagħmlu tajjeb għal spejjeż żejda tal-Kunsilli Lokali biex jassiguraw li l-lokalitajiet tagħhom ikunu protetti mill-coronavirus. Il-Partit Nazzjonalista għamel din it-talba diversi drabi, fosthom permezz ta’ laqgħa li kienet saret mal-Ministru responsabbli minn dan il-qasam. Qal li minkejja li kien hemm qbil, s’issa l-kunsilli lokali għandhom ma semgħu xejn.

Delia rringrazzja lis-Sindki li flimkien mal-Kunsillieri Lokali u l-istaff tal-Kunsilli Lokali baqgħu jaħdmu f’dan il-mument diffiċli ħafna għall-pajjiż. Qal li minkejja kollox, il-Kunsilli Lokali baqgħu jservu bħala punt ta’ referenza għar-residenti tal-lokal sabiex fihom isibu s-sostenn u l-wens f’dak li jkollhom bżonn. Qal li kien hemm Sindki u Kunsillieri li fuq bażi personali offrew iktar għajnuna sabiex ir-residenti jkunu iktar moqdija. Dan setgħa jinnutaħ mhux biss mill-kummenti li għaddewlu diversi nies iżda anke minn reazzjonijiet ferm pożittivi fuq il-mezzi soċjali.

Matul din il-laqgħa tqajmu diversi punti mis-sindki partecipanti fosthom fejn tidħol l-Atworità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), Infrustructure Malta, kif il-gvern qed joħnoq l-awtonomija tal-kunsill u nuqqas ta’ infurzar li qed jimpatta b’mod negattiv ħafna fuq ir-residenti.

Min-naħa tiegħu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ħa nota tal-punti mqajjmin mid-diversi sindki, wiegħed li se jkompli jaħdem għat-tisħiħ tal-Kunsilli Lokali u rringrazzja ukoll lir-residenti tal-lokalitajiet.

Għal din il-laqgħa, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Viċi Kapijiet Robert Arrigo u David Agius, s-Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali Karl Gouder u l-Kordinatur tal-Kunsilli Lokali tal-PN Charles Bonello.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn