Il-coronavirus fix-xitwa se tkun aktar qawwija – WHO

Issa ż-żmien ta’ preparazzjoni mhux ta’ ċelebrazzjoni

Woman-wearing-face-mask-due-to-coronavirus-pandemic-7
Miguela Xuereb

Read in English.

Il-pajjiżi Ewropej għandhom ilestu ruħhom għat-tieni mewġa ta’ infezzjonijiet tal-coronavirus fix-xitwa, mewġa li se tkun aktar qawwija mill-ewwel waħda, għaliex il-pandemija għadha ma ntemmitx. Din it-twissija saret minn Dr Hans Kluge, l-għola uffiċjal tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa fl-Ewropa.

F’intervista fuq The Telegraph, Dr Kluge, id-Direttur tar-Reġjun Ewropew għall-WHO, wissa lill-pajjiżi li kienu qed inaqqsu r-restrizzjonijiet li “issa ż-żmien ta’ preparazzjoni mhux ta’ ċelebrazzjoni”.

Huwa spjega kif il-fatt li qed jonqsu l-infezzjoni b’Covid-19 f’pajjiżi bħar-Renju Unit u l-Italja ma jfissirx li l-pandemija qed tispiċċa. L-epiċentru tal-imxija Ewropea issa jinsab fil-Lvant, b’żieda fil-każijiet fir-Russja, l-Ukrajna, il-Belarus u l-Każakistan.

Għaldaqstant huwa appella lill-awtoritajiet biex jużaw il-ħin b’mod għaqli u jsaħħu s-sistemi tas-saħħa, fosthom l-isptarijiet, il-kura primarja u t-taqsimiet tal-kura intensiva. Huwa semma’ lis-Singapor u l-Ġappun, kif ukoll lill-pajjiżi Skandinavi bħala eżempju ta’ min isegwi għal mod kif qed iħejju lilhom infushom għat-tieni mewġa.

Huwa temm jgħid li qabel ma jkun hemm vaċċin, it-tneħħija tar-restrizzjonijiet trid issir “b’mod gradwali u b’attenzjoni kbira”.