Il-coronavirus dikjarat emerġenza globali mill-WHO

Read in English.

Il-coronavirus ġie dikjarat bħala emerġenza globali mill-Għaqda Dinjija għas-Saħħa wara li l-marda qed tkompli tinfirex barra miċ-Ċina.

Il-Kap tal-WHO Tedros Adhanom Ghebreyesus qal li r-raġuni prinċipali għal din id-dikjarazzjoni kienet dak li qed jiġri f’pajjiżi oħra u mhux dak li kien qed jiġri fiċ-Ċina.

Qal li b’kollox hemm 7834 każ konfermat tal-coronavirus. Minnhom 7736 huma fiċ-Ċina – kważi 99%. S’issa 170 persuni tilfu ħajjithom minħabba l-marda, kollha fiċ-Ċina.

Il-WHO qalet li kien hemm 18-il pajjiż apparti miċ-Ċina li raw każijiet ta’ dan il-virus.

Intqal li kien hemm tmien każijiet ta’ trażmissjoni minn persuna għal persuna oħra fil-Ġermanja, fil-Ġappun, fil-Vjetnam, u fl-Istati Uniti.

Is-sitwazzjoni f’Malta

  • L-ebda każ ta’ Coronavirus f’Malta
  • Ċentru ta’ iżolament bi 12-il sodda jinsab lest ‘l barra mill-Isptar Mater Dei
  • Screening fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta
  • Jekk ikun hemm każ f’Għawdex, il-pazjent jinġieb Malta
  • L-ebda restizzjonijiet ta’ safar
  • Avviż biex f’każ ta’ safar ma jżurux swieq jew postijiet fejn jinżammu annimali
Poster mill-Awtoritajiet tas-Saħħa f’Malta

Il-Coronavirus x’inhu?

Ilbieraħ il-Ministru Chris Fearne spjega li dan huwa virus pjuttost ġdid. Qal li l-ewwel każijiet ħarġu erba’ ġimgħat ilu, fil-31 ta’ Diċembru 2019. Qal li s-sitwazzjoni hija fluwida li l-affarijiet jistgħu jinbidlu minn siegħa għall-oħra.

Xabbah il-coronavirus mall-influwenza iżda qal li fl-istess ħin m’għandhiex x’taqsam. Qal li jixbaħ lill-influwenza fil-mod kif jittieħed u l-konsegwenzi tiegħu.

Qal li fih tliet differenzi ewlenin mill-influwenza li fosthom m’hemmx immunità għalih għax virus ġdid, m’hemmx tilqima u m’hemmx trattament mediku.

Il-Ministru xejjen diversi għajdut li tal-ikel Ċiniż u qal li n-nies jistgħu jieklu ċ-Ċiniż. Għajdut ieħor kien dwar pakketti li jsalu miċ-Ċina u qal li jekk ikunu telqu miċ-Ċina aktar minn 48 siegħa ma jkunx hemm problemi.

Ajruplan irreġistrat Malta se jintuża sabiex jiġu evakwati ċ-ċittadini Ewropej minn Wuhan, belt fiċ-Ċina fejn in-nies inħakmu mill-coronavirus.