Il-Corinthia ma rċevitx theddida lejliet l-attakk

Kelliem għall-grupp Corinthia qal ma’ Newsbook.com.mt li ma jafx bix-xniegħa li lejliet l-attakk tat-Tlieta filgħodu, ħaddiem tal-lukanda fi Tripli rċieva theddida. 
Midja internazzjonali, l-aktar dik Libjana, irrappurtat li nhar it-Tnejn filgħaxija, wieħed mill-ħaddiema rċieva theddida b’telefonata anonima. 
Il-kelliem irrimarka li fil-mezzi tax-xandir, l-aktar dawk internazzjonali, qed jingħadu u jiġu vvintati ħafna affarijiet. Saħaq li ċertu aġenziji tal-aħbarijiet qed joħorġu dettalji li lanqas il-maniġment tal-kumpanija ma sema’ bihom. 
Waqt l-attakk terroristiku fi Tripli tal-bieraħ filgħodu, b’kollox mietu 11-il persuna: 4 Libjani uffiċjali tas-sigurtà, 5 ċittadini barranin (Amerikan, Korean, Franċiż u żewġ Filippini) u ż-żewġ terroristi
Dwar l-istat li tinsab fih il-lukanda, filwaqt li għadu kmieni biex tiġi stmata l-ħsara li saret, il-kelliem sostna li bdiet issir evalwazzjoni u li “ma jidhirx li hemm ħafna ħsara strutturali. Kif kien mistenni, l-ikbar ħsara saret fil-faċċata tal-lukanda għax minħabba l-isplużjoni tal-karozza, inkiser ħafna ħġieġ tat-twieqi”. 
Minħabba l-instabbilità fil-Libja u d-diversi attentati ta’ attakki fuq il-lukanda u l-postijiet tal-madwar fix-xhur li għaddew, it-tmexxija tal-lukanda ddeċidiet li tieħu għadd ta’ miżuri ta’ sigurtà. 
Fosthom li l-ħġieġ tad-daħla tal-lukanda jkun miksi apposta biex f’każ ta’ splużjoni, dan jixxaqqaq u mhux jinfaqa’ u jtir. 
Ma’ Newsbook.com.mt l-istess kelliem qal li din il-miżura salvat il-ħajja tan-nies li waqt l-isplużjoni kienu fid-daħla prinċipali. 
Saħaq li l-Maltin u n-nies l-oħra li kienu fil-lukanda ġew evakwati minnufih u ttieħdu f’post sigur barra l-lukanda. 
Il-kumpanija qalet li qed tieħu l-miżuri kollha biex tissalvagwardja l-investiment tagħha.  Iċċarat ukoll li l-lukandi f’Malta u fil-pajjiżi l-oħra Ewropej ma ġewx affettwati u qed jaħdmu bħal qabel.