“Il-cartoons hu arti tal-esaġerazzjoni, iżda r-realtà hi agħar”

L-artist Sirjan, Ali Ferzat, intlaqa' mill-istudenti tal-MCAST fil-Mosta, qalb għexieren ta' studenti li nġemgħu biex jilqgħuh.
Ali Ferzat ingħata l-Premju Sakharov għall-Paċi fl-2011 mill-Parlament Ewropew, filwaqt li fl-2012 kien imsejjaħ wieħed mill-mitt l-iktar persuni influwenti tad-dinja mill-maġażin Time.
Waqt id-diskors tiegħu fl-MCAST mal-istudenti tal-Arti u d-dipartiment tal-Midja, hu qal li l-arti tal-cartoons hi arti tal-esaġerazzjoni, iżda r-realtà hi agħar. Bħala intellettwali u editur indipendenti, id-diżinji tiegħu juru messaġġ simboliku li ma kinux milqugħa mir-reġim, li hu ddeskriva bħala "korrott".
Qal li beda jinnotta li s-Sirja kienet qed tbati minn dittatorjat u nuqqas ta' demokrazija, u ra ħafna kollegi tiegħu u artisti jiġu ttorturati u mitfugħa l-ħabs minħabba t-twemmin tagħhom.
Sostna li l-ebda reġim mhu għal dejjem, u l-gwerra fis-Sirja xi darba tintemm ukoll.
Fit-18 ta' Novembru, Ali Ferzat għamel diskors ukoll fl-Università ta' Malta, fejn tkellem dwar l-irwol tal-arti fil-ġlieda favur il-batut u qal li l-arti tterraq iktar mill-gwerra.