Il-Caritas u l-Gvern bi ftehim għal post ta’ rijabilitazzjoni mid-droga għall-adolexxenti

Il-Caritas u l-Gvern iffirmaw ftehim li se jwassal biex jinbena ċentru adekwat li se jservi bħala komunità terapewtika u ta’ rijabilitazzjoni għall-adolexxenti.
Dan il-kuntratt se jippermeti lill-Caritas jagħmlu użu mill-faċilità li tinsab fil-limiti “Tal-Libwar” fis-Siġġiewi biex ikun hemm binjiet speċjalizzati u spazji miftuħa biex fihom ikunu jistgħu jingħataw l-aqwa trattamenti lill-adoloexxenti li jkunu nqabdu fil-vizzju tad-droga.
Dan il-post se jinbena b’tali mod li jkun adattat kemm għall-bżonnijiet ta’ ġuvintur u anke tfajliet u se jkollu l-kapaċità li jilqa’ fih 20 adolexxenti.
Id-direttur tal-Caritas Leonid McKay qal li dan iċ-ċentru se jkun pass kbir ’il quddiem għaliex aktar ma tkun indirizzata kmieni l-problema tad-droga, tkun ikbar il-probabbiltà ta’ rijabilitazzjoni effettiva.
Hu sostna wkoll li l-użu tad-droga fil-fażi tal-adoloxxenza ifisser aktar effetti devastanti.
Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li minbarra s-somma ta’ kważi €3 miljun f’bini u infrastruttura  il-Gvern se jkun qed jiffinanzja €750,000 fis-sena għall-operat taċ-ċentru.
Il-Ministru Falzon esprima l-fiduċja tiegħu fil-Caritas, għax fi kliemu din hija fost l-iktar organizzazzjonijiet li kapaċi taqsam l-esperjenza tagħha u ssarrafa f’riżultati konkreti għal dawn iż-żgħażagħ.