Il-Caritas twissi dwar traffikar ta’ tfal fl-Indja

L-Istat Indjan ta’ Assam qed issir iċ-ċentru għat-traffikar ta’ persuni fl-Indja, partikolarment traffikar tat-tfal.  L-Istat għandu jintervejni immedjatament u bil-qawwa biex iwaqqaf din is-sitwazzjoni, wissiet l-organiżazzjoni Caritas India.
F’Assam biss fl-2015 kien  hemm 22% tal-każi ta’ traffikar ta’ persuni fil-pajjiż kollu u dan skont rapport tal-Bureau li jżomm ir-rekords nazzjonali tal-kriminalita’ fil-pajjiż. Kien hemm żjieda qawwija fil-każi ta’ vjolenzi u abbużi fuq it-tfal.  Minn 1539 każ ta’ traffikar ta’ persuni, 1494, seħħew f’Assam. F’dan l-Istat kien hemm ukoll l-akbar numru ta’ traffikar ta’ minuri – 317 persuna jew 38% tal-każi kollha ta’ minuri rappurtati madwar l-Indja kollha.
Caritas issostni li dawn in-numri juru biss il-quċċata tal-problema għax ħafna kaċi jibqgħu mhux solvuti. Il-fenomenu tat-traffikar hu ta’ proporzjonijiet ferm akbar.
Fl-aħħar snin il-pulizija għamlu diversi arresti konnessi mat-traffikar uman. Il-ħafna diżastri naturali u umani, il-qgħad, l-imigrazzjoni, it-traffikar tal-persuni, il-ksur tad-drittijiet tat-tfal u l-konflitti huma kollha problem li jeżistu fir-reġjun tat-Tramuntana ta’ dan il-pajjiż tant kbir.  L-Istati ta’ Assam, Manipur, Mizoram u Arunachal huma bejtiet għall-fenomenu tat-traffikar uman. Skond stħarriġ tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali ta’ Assam, mill-2012 ‘l hawn almenu 4754 persuna kienu rappurtati nieqsa u minnhom 2753 huma tfal bniet.
Ix-xogħol tat-tfal u l-esplojtazzjoni sesswali, l-aktar li jikkontribwixxu għat-traffikar tat-tfal. Is-sena li għaddiet biss, 129 tifla kienu sfurzati jipprostitwixxu ruħhom minn traffikanti.
Skont il-Caritas, li qed taħdem ma’ organiżazzjonijiet oħra kemm tal-Knisja kif ukoll oħrajn Mhux Governattivi, għandha ssir ħidma favur dawn it-tfal fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-esplojtazzjoni sesswali, ix-xogħol tat-tfal u l-imigrazzjoni tat-tfal – bniet u subien.
Caritas sabet li ħafna drabi it-traffikar tan-nisa u t-tfal isir minn stat għall-ieħor u xi drabi anke ‘l hinn mill-fruntieri tal-pajjiż lejn Myanmar, Bangladesh u n-Nepal għal diversi raġunijiet ekonomiċi u soċjali. Il-Knisja fl-Indja identifikat, il-faqar, in-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ xogħol, il-konflitti armati, it-tibdil fl-ekonomija tradizzjonali, l-urbaniżazzjoni ta’ ċerti nħawi, l-emigrazzjoni bħala raġunijiet li qed iwasslu għal dan il-fenomenu kundinabbli.