Il-Caritas trid li l-ġuħ jinqered sal-2025

Aktar minn 840 miljun persuna madwar id-dinja jbatu l-ġuħ filwaqt li aktar minn 3 miljun tifel u tifla jmuru kull sena minħabba nuqqas ta’ ikel sustanzjuż.
Mat-3 biljun persuna għandhom nuqqas ta’ vitamini u minerali fid-dieta tagħhom u dan meta skont l-aħħar rapporti tal-FAO fid-dinja hawn biżżejjed ikel għal kulħadd.
Il-Caritas Ewropea temmen li l-Unjoni Ewropea tista’ tgħin biex sal-2025 jinqered il-ġuħ mid-dinja.
Caritas Europa qed issostni li l-Unjoni Ewropea għandha tistabilixxi data bil-mira li jinqered il-ġuħ sas-sena 2025.
Caritas Europa qalet li l-Parlament Ewropew għandu jikkunsidra li jinkludi din il-mira bħala waħda mill-prijoritajiet tal-Unjoni għal wara l-2015.
Sar appell biex il-Presidenza Ewropea tal-Italja wkoll tieħu dan is-suġett b’serjetà kbira.
Din l-istqarrija ta’ Caritas Europa waslet fiż-żmien li l-Italja se jkollha l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea għas-sitt xhur li ġej.
Studju li ġie kkummissjonat mill-Caritas Europa jressaq numru ta’ rakkomandazzjonijiet fuq is-sostenibbiltà tal-ikel u kif l-Unjoni Ewropea tista’ tkun katalista fil-ġlieda kontra l-ġuħ fid-dinja.
Fost dawn ir-rakkomandazzjonijiet, Caritas Europa qed tissuġġerixxi li l-Parlament Ewropew ma japprovax prattiċi li jżidu fid-differenzi bejn il-bnedmin.
Qed jingħad li jekk ikun hemm il-bżonn isir tibdil fit-trattati Ewropej sabiex jiġi rikonoxxut li l-ikel huwa dritt bażiku ta’ kull bniedem.
Rakkomandazzjonijiet oħra jenfasizzaw fuq il-bżonn ta’ iktar għajnuna u fondi lis-settur agrikolu u fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.
Caritas Europa laqgħet b’sodisfazzjoni il-programm Taljan għall-Presidenza Ewropea, filwaqt li tistenna li d-dritt tal-ikel tiġi ndirizzata b’deċiżjoni.
Għaliex b’dan il-mod l-Unjoni Ewropea tkun qed turi li temmen fis-solidarjetà u d-dinjità bejn il-bnedmin.