Read in English.
Il-Caritas illum ħadet ħsieb tqassam l-ikel lil dawk fil-bżonn f’jum il-Milied.
Is-soltu, bħal-lum, l-għaqda tieħu ħsieb torganizza ikla tal-Milied fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana, madankollu din is-sena l-pandemija fixklet din it-tradizzjoni. Minkejja dan, l-għaqda xorta sabet mod kif tferraħ lin-nies li m’għandhomx mezzi jkollhom ikla.
Bl-għajnuna ta’ diversi parroċċi u social workers, ġew identifikati persuni li kellhom bżonn l-għajnuna. Xi anzjani li bbenefikaw minn din il-ġenerożità tal-Caritas saħansitra twasslitilhom l-ikla wara l-bieb.
Dawn l-ikliet tħejjew bil-koperazzjoni tal-kumpanija Alf Mizzi & Sons li ta’ kull sena tikkollabora f’din l-inizjattiva.
Apparti hekk, illum il-Caritas ħejjiet linji tat-telefown biex min iħossu waħdu jkun jista’ jċempel u jitkellem ma’ xi ħadd li jista’ joffri wens.