Il-Caritas tikkumbatti ż-żwiġijiet ta’ tfal fin-Nepal

Il-fergħa tan-Nepal tal-organiżazzjoni kattolika Caritas qed toħloq opportunitajiet għal żgħażagħ imprendituri u tgħin lit-tfal jibqgħu jattendu fl-iskejjel filwaqt li tikkumbatti t-tendenza ta’ żwiġijiet bejn tfal ta’ eta’ żgħira.
Janaki Sarki kellha biss 12-il sena meta nannitha qaltilha li fi żmien ġimgħa se tkun miżżewġa. Din it-tifla mill-villaġġ ta’ Babiyachaur fil-punent tan-Nepal kienet qed tistenna b’ħerqa l-ewwel ġurnata tal-iskola fejn kienet se tibda s-sitt sena. Iżda n-nanna ma ħallitihiex tmur skola u żammitha d-dar.
Sakhi, li llum għandha 26 sena qalet li meta n-nanna qaltilha li kellha tiżżewweġ meta kien għad għandha 12-il sena, għalija kienet sorpriża kbira u ma kinitx taf kif għandha tirreġixxi. Hi u tliet ħutha iżgħar minnha kienu qed jgħixu man-nanniet waqt li l-ġenituri tagħhom kellhom imorru jaħdmu fl-Indja.
Hi qalet li ma riditx tiżżewweġ iżda n-nanniet baqgħu jinsistu li jridu jarawha miżżewġa qabel imutu għax kienu qed jixjieħu għax kienu jemmnu li se jmorru l-ġenna jekk iżewwġuha f’eta’ żgħira.
Fil-fatt hi kienet sfurzata tiżewweġ lil raġel ta’ 18-il sena minn raħal fil-qrib. Dan kien jagħmel ix-xogħol ta’ skarpan u hi ma tħallietx tkompli bl-iskola. F’dik l-eta’ żgħira kellha mhux biss tagħmel ix-xogħol tad-dar imma anke tieħu ħsieb il-bhejjem. Ħajja verament iebsa. Tliet snin wara ż-żwieġ ir-raġel miet u hi rritornat lejn id-dar tal-familja tagħha.
Kien hawn li Sakhi ġiet f’kuntatt ma’ organiżazzjoni lokali li kienet toffri taħriġ lil tfajliet u nisa u hi ħatfet din l-opportunita’ biex ma tkunx ta’ piż fuq il-ġenituri tagħha.
Sa mill-2015 il-Caritas Nepal bdiet toffri dak li jissejjaħ “Children and Youth Empowerment Programme” f’erba distretti fil-Punenet tan-Nepal fejn hemm rata qawwija ta’ tfal miżżewġa, diversi forom ta’ vjolenza domestika u migrazzjoni taż-żgħażagħ. Il-programm hu maħsub biex filwaqt li jżomm lit-tfal fl-iskola joffri opportunitajiet ta’ imprenditorija lil mijiet ta’ żgħażagħ.
Minn dan il-programm Sarki ibbenefikat minn għotja ta’ flus li bihom xtrat ħames makni tal-ħjata li permezz tax-xogħol bihom qed taqla $200 fix-xahar filwaqt li qed tħarreġ 15-il-tfajla oħra fis-sengħa tal-ħjata.
Skont l-aħħar ċensiment li sar fl-2011, 1.1% tal-bniet bejn 10 u 14-il sena; 8.8% tat-tfajliet bejn 15 u 16-il sena u 30% ta’ dawk bejn 17 u 18-il-sena huma miżżewġa.