Il-Caritas tħejji kaxxi bl-ikel għall-familji fil-bżonn

Il-Caritas ħadet l-inizjattiva li tipprepara kaxxi bl-ikel u bżonnijiet oħra għal dawk il-familji li ntlaqtu l-agħar mill-pandemija tal-coronavirus.

F’konferenza tal-aħbarijiet online, tħabbret l-inizjattiva Kaxxi ta’ Solidarjetà bejn il-Caritas u l-għaqda Home Economists in Action.

Id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt tkellem dwar ir-realtajiet ġodda li qegħdin jaffaċċjaw ċerti familji minħabba l-imxija tal-coronavirus u l-miżuri meħudin sabiex titrażżan din l-imxija. Fost l-eżempji li semma kien hemm anzjani li qabel kellhom ċerta għajnuna fid-dar b’voluntiera imma dawn m’għadhomx jistgħu jmorru jagħtuhom daqqa t’id, barranin li spiċċalhom ix-xogħol u m’għandhomx aċċess għall-benefiċċji. Semma wkoll social worker li marret għand familja u qalulha li ilhom jumejn ma jieklu, ġenituri bi tfal b’diżabbiltà li issa qegħdin id-dar u jridu jidraw din ir-realtà ġdida, u immigranti li ħarġu miċ-ċentri miftuħin li issa tilfu x-xogħol.

Il-Caritas għandha proġetti oħrajn għaddejjin, bħas-solidarity meals, is-social work provdut online, riabilitazzjoni ta’ programmi tad-droga. Tkellem dwar il-ġenerożità ta’ individwi u kumpaniji li lesti jgħinu. Qal, iżda, li minkejja dan kollu, waħedha tqum il-mistoqsija: in-nies x’għandhom bżonn? Għalhekk saret riċerka dwar x’tiġi bżonn familja għaddejja minn kriżi, u hemm nibtet l-idea tal-kaxxi tas-solidarjetà.

Prof. Suzanne Piscopo mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni fl-Università tkellmet dwar il-bżonnijiet li mir-riċerka sabu li huma essenzjali, li huma li wieħed jgħix f’post nadif, l-iġjene personali u anke l-aspett edukattiv.

Għaldaqstant ħarġu bl-idea ta’ kaxxi ta’ solidarjetà biex dawn jitqassmu lil familji differenti li huma fil-bżonn, li għandhom iservuhom madwar 14-il ġurnata. Il-prodotti provduti jinkludu ikel li ma jitħassarx, ħaxix u frott, prodotti tat-tindif u l-ħasil, tal-kura personali, tal-kura tat-trabi, oġġetti tal-iskola u passatempi. Apparti hekk, kull familja qed tingħata maskra protettiva għal kull membru tal-familja li tista’ terġa’ tintuża.

Tqiesu erba’ tipi ta’ familji:

  • Ta’ żewġ adulti u żewġt itfal bl-ispiża ta’ €185.19
  • Ta’ żewġ adulti, tifel/tifla u tarbija bl-ispiża ta’ €248.08
  • Ta’ adult u żewġt itfal bl-ispiża ta’ €165.03
  • Ta’ żewġ anzjani bl-ispiża ta’ €132.12

L-NGO Home Economists in Action ħadet ħsieb tipprepara għadd ta’ riċetti li jistgħu jissajru bl-ingredjenti provduti fil-kaxxa.

Id-Direttur tal-Caritas stqarr li kien hemm familji li għandhom dħul medju li talbu għall-għajnuna għall-ewwel darba. Qal li l-iktar ħaġa inkwetanti tkun jekk jiżdied il-qgħad. Fuq nota pożittiva, żied jgħid li aspett sabiħ li qed joħroġ minn din il-kriżi huwa li n-nies qed jagħtu aktar għajnuna.

Min jixtieq jgħin jista’ jagħti donazzjoni billi jikkuntattja lil Caritas Malta fuq help@caritasmalta.org jew 99122515 / 99473689.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn