“Il-kannabis mediċinali mhux se twassal għal dik rikreattiva” – Fearne

Il-Viċi Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ppreżenta fil-Parlament l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar id-Dipendenza fuq Droga li l-għan tiegħu hu li tiżdied l-aċċessibilitá għall-prodotti mediċinali li għandhom is-sustanza tal-kannabis u l-marijuana.
Il-Ministru Fearne għamilha ċara li l-emendi jeskludu kompletament li dawn il-prodotti mediċinali jintużaw għall-iskop rikreattiv u għalhekk il-liġi mhux se tiftaħ l-ebda tieqa li tagħmel it-tipjip tal-ħaxixa bħala xi ħaġa legali.  Il-Ministru tas-Saħħa qal li għandu korrispondenza mill-Caritas li dawn jaqblu mal-użu tal-kannabis għall-użu mediċinali.
Dr Fearne qal li sal-lum il-liġi, għalkemm b’diversi provedimenti diġà tippermetti l-użu tal-kannabis għall-użu mediku.
Madankollu mill-2015 sal-lum ħadd ma għamel użu minnha għax kienet ristretta ħafna u l-ispeċjalisti ma rnexxilhomx japplikawha fil-prattika. 
Id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri qal li l-Oppożizzjoni taqbel fil-prinċipju dwar dawn l-emendi għax din il-liġi se ttejjeb is-saħħa tal-pazjenti u titjieb il-kura fil-pajjiż.
Dr Spiteri qal li għakemm hemm madwar 85 prodott mediċinali mis-sustanza tal-kannabis u l-marijuana, dawn mhux mediċini li  jfejqu kollox u għaldaqstant l-emendi fil-liġi jridu jiżguraw li l-prodotti li jistgħu jingħataw bi preskrizzjoni tat-tobba jkunu tal-ogħla kwalità.
Dr Spiteri qal li l-liġi trid tiżgura li ma jkunx hemm importazzjoni illegali jew paralella biex żgur il-kwalità tal-mediċina tkun tal-aqwa tagħha.