Il-Caritas tappella biex il-partiti politiċi jindirizzaw il-faqar b’mod urġenti

F’memorandum li ressqet lill-partiti politiċi fid-dawl tal-elezzjoni ġenerali, il-Cartitas qalet li kull bniedem għandu jkollu aċċess għal dak li hu meħtieġ għall-iżvilupp sħiħ tiegħu.

Caritas Malta ilha s-snin taħdem biex titjieb il-qagħda ta’ persuni u familji li għandhom dħul baxx u li qed jgħixu fil-faqar. Qalet li x-xogħol huwa dritt u dmir ta’ kull bniedem. Il-ħlas għandu jsir b’mod illi l-bniedem ikun jista’ jgħix kif jixraq, kemm hu kif ukoll dawk li jiddependu minnu. Barra minn hekk, biex il-paga titqies bħala waħda ġusta, sempliċi ftehim personali dwar l-ammont ta’ paga bejn il-ħaddiem u min iħaddmu mhux biżżejjed.

Il-paga ġusta hija frott leġittimu tax-xogħol u m’għandhiex tkun taħt il-livell tal-għajxien deċenti tal-ħaddiem u l-familja tiegħu. Il-ġustizzja naturali tiġi qabel u hija aqwa minn kull kuntratt.

F’dan id-dawl, qalet il-Caritas, l-Istat għandu r-responsabbiltà li jiżgura li kull ċittadin jilħaq livell deċenti tal-għajxien billi d-dħul finanzjarju ikopri għallinqas is-servizzi u l-ħtiġijiet essenzjali kollha tal-ħajja.

Attenzjoni speċjali għandha tingħata lill-familji b’kundizzjonijiet żvantaġġjati minħabba l-qgħad, xogħol prekarju, mard, diżabbilità, dejn, u sitwazzjonijiet soċjali oħra. Hawn ukoll familji illi huma neqsin mill-ħiliet biex jimmaniġjaw tajjeb il-flus tagħhom.

Skont il-Caritas, minkejja illi kien hawn titjib fil-benefiċċji soċjali u fl-għajnuniet lil xi kategoriji ta’ familji, għadha tinħass il-ħtieġa urġenti illi:

– tiġi definita mill-ġdid linja ta’ faqar nazzjonali aktar realistika

– tiġi garantita protezzjoni legali, ekonomika, u soċjali lill-familji kollha;

– jingħata aċċess għall-akkomodazzjoni xierqa lill-familji f’qagħda ekonomika prekarja.

Il-Caritas fakkret li l-faqar jintiret. Appellat biex jittieħdu miżuri konkreti biex it-tfal minn familji fqar jew fir-riskju tal-faqar, jiġifieri 20% tat-tfal f’Malta, jingħatalhom aċċess akbar għall-edukazzjoni inklużiva u opportunitajiet akbar ta’ taħriġ qabel ma jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

FI tmiem il-memorandum, il-Caritas tisħaq li r-responsabbiltà li jinqered il-faqar hija ta’ kulħadd, iżda l-Istat għandu d-dmir li jiżgura li kull ċittadin jilħaq l-iżvilupp sħiħ tiegħu u livell xieraq tal-għajxien.