Il-Caritas ta’ Ruma se tibqa’ tingħata l-flus li jitwaddbu fil-Funtana ta’ Trevi

Il-famuża Funtana ta' Trevi f'Ruma li fiha jitwaddbu madwar €1.5 kull sena f'muniti

Il-fergħa ta’ Ruma tal-Caritas din is-sena li għadha kif bdiet mistennija tieħu €1.7 miljuni biex tiffinanzja parti mill-ħidma li tagħmel mal-foqra u dawk bla saqaf fuq rashom, li jgħixu fil-kapitali Taljana.

Dawn il-flus jittellgħu mid-diversi funtani li hemm mifruxa mal-belt, l-aktar waħda famuża fosthom hi l-Funtana ta’ Trevi li minnha biss jinġabru kważi €1.2 miljun fis-sena.

F’dawn l-aħħar ġimgħat qamet kontroversja wara li l-ġurnal “The Telegraph” xandar storja li dawn il-flus, li issa ilhom għal żmien jingħataw lill-Caritas, kienu se jintużaw għal xogħlijiet ta’ manutenzjoni f’Ruma.

Is-Sindku ta’ Ruma, Virginia Raggi permezz tal-ġurnal tal-Vatikan “L’Osservatore Romano”, assigurat lill-Caritas u lill-eluf ta’ foqra u nies bla dar fil-kapitali, li l-flus tal-funtana se jibqgħu jmorru għalihom.

Raggi ddikjarat li  hi personalment trid tiggarantixxi li l-amministrazzjoni li tmexxi hi qatt mhi se twaqqaf il-kontribut tagħha permezz ta’ dawn il-flus. “Dawn il-flus se jibqgħu jmorru għand il-Caritas u qatt ma kellna l-ħsieb li nwaqqfuhom”.

Il-Caritas ta’ Ruma li hi fergħa mill-Aġenzija tal-Karità tal-Knisja Kattolika “Caritas Internationalis”, ilha tibbenefika minn dawn il-flus għall-ħidma mal-foqra ta’ Ruma, sa mill-2001.

Teżisti tradizzjoni antika li persuni li jżuru l-Funtana ta’ Trevi, iwaddbu xi muniti fl-ilma tagħha u jagħmlu xewqa li xi darba jirritornaw f’Ruma. Kull sena madwar €1.5 miljuni jinġabru mill-funtana u jingħataw lill-Caritas biex tiffinanzja parti żgħira mill-baġit tagħha biex tgħin lill-foqra ta’ Ruma, billi tipprovdilhom saqaf fuq rashom, ikel u servizzi oħra li jkunu jinħtieġu.

L-aħbar tat-“Telegraph” ġabet reazjoni mill-Konferenza Episkopali Taljana li  f’artiklu fil-gazzetta ta’ kuljum tagħha, L’Avvenire, ikkundannat din id-deċiżjoni.

Iżda issa, wara ġimgħat ta’ inċertezza, is-Sindku Raggi qalet li l-proposta diskussa mill-Kunsill tagħha kienet maħsuba biss biex ikun magħruf eżatt kemm jintefgħu flus fil-Funtana ta’ Trevi.

Sostniet li l-uniku affarijiet li nbidlu huma li issa l-flus se jibdew jinġabru minn kumpannija tal-Kunsill Lokali, li tnaddafhom, tgħoddhom u tgħaddihom lill-Caritas fil-preżenza tal-Pulizja. Dan ix-xogħol qabel kien isir minn uffiċjali tal-Caritas stess.

Barra minn dan, issa mal-flus miġbura mill-Funtana ta’ Trevi se jiżdiedu wkoll flus – madwar €200,000 oħra li jinġabru minn funtani oħra madwar Ruma – li jgħaddu wkoll għand Caritas biex tkompli bil-ħidma karitattiva tagħha li hi ta’ benefiċċju kbir għal eluf ta’ foqra li jgħixu madwar Ruma.