Il-Caritas ikollha tissellef il-flus biex toffri s-servizzi

F’dawn is-36 sena kemm ilha mwaqqfa, il-Caritas offriet ħafna għajnuna u faraġ lil min kellu bżonn. 

Id-Direttur tal-Caritas Mons. Victor Grech qal li s-sena l-oħra kien hemm 694 żagħżugħ u żagħżugħ li ħabbtu l-bieb tal-Caritas minħabba xi tip ta’ problema bid-droga. Mill-2004 sas-sena l-oħra, in-nies li użaw is-servizzi tal-Caritas żdiedu b’34%.

Waqt laqgħa mal-ġurnalisti hekk kif il-Caritas ħabbret attività ġdida biex tiġbor aktar fondi, Mons. Grech tkellem dwar id-diffikultajiet finanzjarji li qed ikollha tħabbat magħhom il-Caritas minn sena għall-oħra biex tkompli toffri l-għajnuna.

Waqt laqgħa mal-ġurnalisti fir-residenza ta' San Blas, hekk kif il-Caritas ħabbret attività ġdida biex tiġbor aktar fondi bl-isem ta' Caritas Trial, id-Direttur tal-Caritas Mons. Victor Grech, tkellem dwar id-diffikultajiet finanzjarji li qed ikollha tħabbat magħhom il-Caritas minn sena għall-oħra biex tkompli toffri l-għajnuna.

Mons. Grech qal li s-sena li għaddiet il-Caritas investiet aktar minn miljun ewro f’aktar minn 20 servizz, li jvarjaw minn counselling ma’ social worker sa taħriġ għat-trobbija tal-ulied u anke laqgħat f’kważi f’kull parroċċa f’Malta. L-aktar servizz magħruf tal-Caritas hu l-programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga.

Biex tlaħħaq mad-domanda ta’ għajnuna, Mons. Grech qal li l-Caritas kellha saħansitra tissellef flus mill-bank.  Saħaq li s-servizzi se jibqgħu b’xejn għal kulħadd “biex ħadd ma jżomm lura milli jingħata għajnuna minħabba problemi ta’ flus”.

Il-fundatur tal-Caritas, appella lil Gvern u l-awtoritajiet ikkonċernati biex jagħtu kas lill-għaqdiet mhux governattivi u li “wasal iż-żmien tingħata aktar għajnuna adegwata biex jitjiebu s-servizzi offruti”.

Mons. Grech għamel ukoll appell lill-insara biex anke huma jagħtu l-kontribut tagħhom fis-soċjetà.

 

Ritratt: Paul Cachia