Il-Caritas f’Zimbabwe qed titma 300,000 persuna milquta min-nixfa

Membri ta’ Caritas Zimbabwe f’laqgħa ma’ rappreżentanti ta’ għaqdiet internzzjonali li jgħinu f’emerġenzi ta’ ikel.

Caritas Zimbabwe qed taħdem f’kollaborazzjoni ma’ Caritas Internationalis u l-Programm Dinji tal-Ikel biex tqassam ikel lil madwar 300,000 persuna li ntlaqtu min-nixfa kbira li hemm fil-pajjiż.

Din l-organiżazzjoni pontifiċja tal-karità impenjat ruħha li tkompli twettaq dan il-mandat pastorali tagħha li takkumpanja persuni u komunitajiet vulnerabbli fil-pajjiż. Din is-solidarjetà qed tintwera permezz ta’ tqassim ta’ ikel.

L-organiżazzjoni għandha proġetti li ma jaħsbux biss biex itaffu l-emerġenza immedjata ta’ nuqqas ta’ ikel, imm Caritas Zimbabwe qed tipprovdi wkoll żerriegħa u taħriġ fil-qasam tal-biedja bl-iskop li l-agrikoltura fil-pajjiż terġa’ tieħu r-ruħ.

Diżastru Nazzjonali

Iż-Zimbabwe Drought Response wasal fi żmien meta l-provinċji fil-Lvant tal-pajjiż għadhom qed jistejqru mill-effetti devastanti taċ-Ċiklun “Idai”. U bħal donnu dan iċ-ċiklun ma kienx biżejjed, il-pajjiż issa qed jiffaċċja emerġenza kbira oħra ta’ ikel. Il-prodott agrikolu fqir tas-sena li għaddiet li ntlaqat ukoll mill-imsemmi ċiklun, kompla jikkumplika ruħu b’nixfa kbira u sfidi ekonomiċi oħra li wasslu għall-kriżi tal-ikel.

F’Awwissu li għadda l-Gvern ta’ Zimbabwe kien iddikjara “Stat ta’ Diżastru Nazzjonali” u fetaħ il-bibien tal-pajjiż għall-għajnuna minn barra.

Caritas Internationalis għalhekk nidiet appell – Zimbabwe Drought Response – fil-15 ta’ Jannar li għadda. Il-Konferenza Episkopali tal-pajjiż iddeċidiet li Caritas Zimbabwe, bl-għajnuna ta’ Caritas Internationalis, jagħmlu appell biex ikunu jistgħu jgħinu f’din il-kalamità naturali.

L-Arċisqof Alex Thomas, President ta’ Caritas Zimbabwe talab l-għajnuna ta’ Caritas Internationalis. F’ittra li bagħat lill-kwartieri ġenerali tal-Caritas f’Ruma, l-Arċisqof Thomas qal li “Sfortunatament l-emerġenza taċ-ċiklun “Idai” waslet fi żmien meta l-pajjiż kollu kien milqut min-nixfa li wasslet biex il-prodotti kollha tar-raba tal-istaġun 2018-2019, fallew. S’issa anke dawk li kellhom xi ftit prodotti mir-raba tagħhom stess, leħqu spiċċawlhom.

 “Fuq livell lokali qed inħeġġu lill-insara biex jgħinu lill-persuni vulnerabbli, iżda bil-mezzi tagħna ma nistgħux inlaħħqu mal-kobor tal-problema. Jekk ma jkollniex għajnuna minn barra, dan jista’ jwassal għal ġuħ kbir.  Għalhekk għan-nom tal-poplu l-Isqfijiet taz-Zimbabwe nirrakkomanda li tilqgħu din it-talba għall-għajnuna.

Komunitajiet vulnerabbli

Iż-Zimbabwe Drought Response Appeal  qed jipprova jindirizza l-problema tan-nuqqas ta’ ikel li qed jiffaċċjaw il-komunitajiet rurali fil-pajjiż. L-appell tal-Caritas għandu żewġ skopijiet, biex tonqos l-urġenza għall-ikel u biex ikun hemm biżżejjed ikel fil-futur.

Il-Caritas qed tipprovdi ikel lil 17,000 persuna vulnerabbli fl-aktar sitt djoċesijiet milquta min-nuqqas ta’ ikel li huma Hwange, Bulawayo, Gweru, Gokwe, Chinhoyi u Masvingo.

Meħtieġa USD 1 300 000.00

Il-proġett tal-Caritas qed jipprovdi ikel għal tmien xhur (sa Settembru li ġej). Il-basket tal-ikel ikun fih prodotti essenzjali fi kwantitajiet biżżejjed kull xahar skont standards internazzjonali.

Għal dan il-programm hemm bżonn  USD 1, 332, 439 (EURO 1 017 915). Caritas Japan, Caritas Australia u CAFOD offrew US$10 000.00, 50 000.00 liri Awstraljani u US75 000.00 rispettivament.