Il-Caritas fuq quddiem biex ħadd ma jbati waħdu

Read in English.

Albert Debono, responsabbli mill-koordinament tal-Caritas mal-parroċċi, qal li s-social distancing m’għandux iwaqqafna milli nkunu viċin ta’ xulxin.

Hu stqarr dan ma’ Newsbook.com.mt, meta tkellem fuq il-proġett ‘Ftit ħin, b’qalb kbira’ li jħeġġeġ lil min jista’ jgħin fil-ħidmiet tal-parroċċi, jagħmel dan. L-għan ta’ din il-ħidma hu li l-komunità tkun viċin ta’ xulxin anke jekk b’modi differenti.

Ftit ħin, b’qalb kbira

Hemm diversi modi “online, telefonata, inwasslu x-xirja ta’ xi ħadd anzjan, pooling ta’ xirjiet biex jitnaqqsu n-nies fit-toroq eċċ.” Dawn huma wħud mill-ħafna modi differenti li wieħed jista’ jgħin biex intaffu s-sitwazzjoni preżenti”, qal Albert Debono. Din hi parti mill-ħidmiet differenti li diversi parroċċi qegħdin jagħmlu.

Huwa qal li s-sitwazzjoni li ġabet magħha l-imxija tal-COVID-19 m’għandhiex twaqqaf kollox. Anzi, il-Caritas permezz tal-mezzi soċjali qiegħda tipprova tikkordina u ssaħħaħ l-għanqbuta tal-ħidmiet differenti. Fuq kollox il-Caritas qed tħeġġeġ, speċjalment liż-żgħażagħ biex ikunu proattivi. “Ħafna tħassrulhom il-pjanijiet li kellhom dan is-sajf; ħidma ta’ volontarjat b’mod speċjali barra minn Malta…Dan ma jfissirx li noqogħdu b’idejna fuq żaqqna. Għandna nagħtu ftit ħin b’qalb kbira”, żied Debono.

Qrib minkejja s-social distancing

Albert Debono qal li l-Caritas kellha tniedi l-proġett ‘Ftit ħin b’qalb kbira’ ftit tal-ġimgħat oħra però ħasset il-ħtieġa li twieġeb għall-bidla fiċ-ċirkostanzi. Huwa qal li qed iħeġġeġ biex aktar “jipparteċipaw f’dawn il-proġetti ta’ djakonija.” Hu staqsa “Għax ma narawx il-bżonnijiet li se jkollna f’pajjiżna u fil-parroċċi tagħna u nieħdu sehem f’dan il-proġett ‘Ftit ħin, b’qalb kbira’?” Debono fi ftit kliem, ġabar l-għan aħħari tal-proġett: “biex ħadd ma jbati waħdu.”

Ħadd m’għandu jbati waħdu

Dan kien ukoll il-messaġġ ta’ l-Isqof Joseph Galea Curmi meta fl-Omelija tal-bieraħ sqarr: “Nafu li bħalissa mhijiex is-soluzzjoni li mmorru nżuruhom, anzi nkunu qed nagħmlulhom ħsara jekk immorru viċin in-nies li huma morda jew li huma waħedhom. Imma hemm mezzi oħra kif nistgħu nuruhom tassew is-solidarjetà, l-imħabba, u ngħinuhom iħossuhom li għandhom l-appoġġ li jeħtieġu. Biex ħadd ma jbati waħdu. Ħadd ma għandu jgħaddi minn tbatija waħdu jew waħedha.”

Il-ħidma żdiedet

F’Jannar li għadda, Albert Debono beda l-ħidma tiegħu mal-Caritas biex jikkordina l-ħidma ta’ għajnuna (djakonija) fil-parroċċi. “Qatt ma ħsibt li se jkolli din il-mgħamudija tan-nar” tbissem Albert. Żied li x-xogħol tal-Caritas f’Malta hu wieħed ma jaqta’ xejn, is-sena kollha. Fiċ-ċirkostanzi li għaddej minnhom il-pajjiż u d-dinja kollha, ix-xogħol tal-Caritas sar aktar kruċjali.

“Illum aktar minn qatt qabel” insista Albert Debono, “qegħdin naffaċċjaw ruħna bl-isfida li naġġornaw din il-ħidma imprezzabbli tal-parroċċi tagħna”.

Fil-maġġoranza tal-każi hi ħidma siekta u “below the radar” issa trid tibdel mhux tant it-tip ta’ xogħol imma l-modi. “Fejn qabel il-qrubija fiżika kienet importanza, bħalissa l-awtoritajiet qed iħeġġuna li dan ma jsirx,” osserva Debono li żied li dan ma għandux jissarraf f’abbandun iżda f’tisħiħ tal-komunità.

Wieħed jista’ jagħmel kuntatt ma’ dan il-grupp fuq Facebook jew direttament mal-Caritas