Il-Caritas fil-Filippini tiftaħ “Akkademja għall-Ħidma Soċjali”

Il-President ta’ Caritas Internationalis il-Kardinal Luis Antonio Tagle u n-Nuzju l-Arċisqof Gabriele Caccia ippresidew l-inawgurazzjoni iċ-Ċentru tal-Caritas għall-Iżvilupp Integrali fit-13 ta’ Diċembru.

Il-Caritas tal-Filippini aktar kmieni dan ix-xahar inawgruat Akkademja għall-Ħidma Soċjali bl-iskop li jħarreġ ħaddeima għall-qasam umanitarju.

F’ċerimonja sempliċi, il-President ta’ Caritas Internazzjonali, il-Kardinal Luis Antonio Tagle u n-Nunzju Apostoliku, l-Arċisqof Gabriele Caccia mexxew iċ-ċerimonja tal-ftuħ taċ-Ċentru.

Saret quddiesa li kienet ċelebrata minn Mons Caccia li kien assistit mill-Kardinal Tagle, mill-Isqof Jose Colin Bagafaro, iċ-Chairman il-ġdid tal-Caritas tal-Filippini u l-predeċessur tiegħu, l-Arċisqof Rolando Tria Tirona.

Taħriġ professjonali

Fl-Omelija li għamel, il-Kadinal Tagle esprima t-tama li din l-Akkademja tilħaq il-miri strateġiċi tal-Caritas għall-ħidma fil-pajjiż. “Qed naħdmu biex nagħtu taħriġ professjonali biex inkunu nistgħu nagħtu servizz ta’ kwalità lill-foqra tad-djoċesi”, qal il-Kardinal.

Wera wkoll it-tama li dan iċ-ċentru ma jaqdix biss il-bżonnijiet tal-Filippini imma wkoll dawk tal-Asja u jseddaq l-għerf u l-professjonaliżmu fil-ħidma tal-Knisja.

Fr. Edwin  Gariguez, Segretarju tal-Caritas tal-Filippini qal li dan iċ-ċentru hu r-rigal tal-aġenzija pontifiċja Caritas Internazzjali, lill-Knisja Kattolika fil-Filippini. Iċ-Ċentru mhux biss binja imma għandu jservi bies isaħħaħ il-programm kollu tal-ħidma tad-djoċesi favur dawk fil-bżonn.

Qabel ma tlestiet il-binja ta’ erba’ sulari li qed tilqa’ fiha din l-Akkademja, il-Caritas tal-Filippini kienet diġa’ fuq programm ta’ formazzjoni ta’ 14-il xahar, għall-mexxejja lokali ta’ din il-karità pontifiċja.

Boroż ta’ studju

Bħalissa ċ-Ċentru se joffri boroż ta’ studju f’Masters fl-Iżvilupp u s-Servizzi Soċjali, b’kollaborazzjoni  mal-Istitut Soċjali Asjatiku.

Fr. Gariguez qal li l-ewwel programm ta’ studju attendew għalih diretturi li jaħdmu fil-qasam tas-servizzi soċjali u lajċi li jaħdmu fil-qasam pastorali minn madwar il-Filippini kollu.

“Fi ħsiebna noffru aktar korsijiet biex naqdu l-bżonnijiet tal-ħaddiema djoċesani, is-soċjetà ċivili u organiżazzjonijiet reliġjużi biex ikabbru l-forzi tagħhom għas-servizz fil-ministeru pastorali”, qal Fr. Gariguez.

Żied jgħid li b’mod ġenerali ċ-ċentru qed jimmira li jipprovdi esperjenza teknika biex tiżdied u titjieb il-kompetenza tad-djoċesijiet fil-ħidma fil-ħidma soċjali u umanitarja, żvilupp ambjentali sostenibbli u pariri lil min jeħtieġhom.

“Għandna bżonn inġibu flimkien id-diversi esperjenzi biex nimmassimizzaw is-servizzi li nistgħu nagħtu lill-poplu li rridu naqadu”, qal il-Kardinal.