“Il-carers f’San Vinċenz żdidilhom ix-xogħol minħabba direttiva tal-MUMN” – UĦM

Il-UĦM qalet li l-carers f’San Vinċenz de Paule żdiedu tort ta’ direttiva tal-Unjin Maltija għall-Qwiebel u l-Infermiera, l-MUMN, li ordnat lill-infermiera ma jaħslux lill-anzjani. Għalhekk għandha toqgħod attenta kif titkellem fuq il-carers ta’ San Vinċenz de Paule.
Ir-rappreżentant tal-carers membri fil-UĦM, Charles Vella, fi stqarrija kien qed jirreferi għall-konferenza tal-aħbarijiet li nżammet jumejn ilu, meta l-MUMN qalet li biex tiffranka l-flus, it-tmexxija ta' San Vinċenz de Paule qed timpjega carers bil-kuntratt li jew huma illiterati jew barranin, b’mod partikolari mill-Pakistan u l-Indja, li ma jafux la bil-Malti u lanqas bl-Ingliż.
Il-UĦM sostniet li l-carers jagħtu servizz mill-aqwa lill-anzjani, u rrimarkat li bi kliemha l-MUMN tefgħet lil kulħadd f’keffa waħda. Enfasizzat li carers hemm dawk imqabbda mill-Gvern kif ukoll dawk mill-kuntrattur Healthmark. B’dak li qalet l-MUMN żgwidat lill-pubbliku.
Ilbiraħtlula, l-MUMN allegat ukoll li hemm carers li jorqdu billejl meta sippost jaħdmu. Il-UĦM xejnet dawn l-allegazzjonijiet, anzi qalet li l-carers tal-Gvern kienu ftehmu biex jgħinu lil dawk tal-kuntrattur fi swali fejn ikun hemm ħafna xogħol.
Ix-xogħol għal dawn il-ħaddiema kien żdied, u kien għalhekk, qalet il-UĦM, li kemm hi kif ukoll il-GWU qablu li għandhom jiżdiedu l-carers f’San Vinċenz de Paule. Min-naħa tagħha, l-MUMN qalet it-Tlieta li qed jiddaħħlu aktar carers milli infermiera.