“Il-care orders huma dejjem l-aħħar għażla”

L-Assoċjazzjoni Maltija għas-Social Workers qalet li s-sistema tal-welfare tat-tfal hi waħda kumplessa u sensittiva, u li l-care orders ikunu rakkommandati mis-social workers biss meta ma jkun hemm ebda għażla oħra, u wara li jsir studju profond tas-sitwazzjoni.
Fi stqarrija l-Assoċjazzjoni sostniet li ċerti kummenti li ħarġu fuq il-midja huma “deplorevoli”, fejn ikkwotaw lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia jinsinwa li l-care orders mhux qed jingħataw minħabba nuqqas ta’ interventi mill-care workers.
L-Assoċjazzjoni saħqet ukoll li spiss is-social workers ikollhom jaħdmu f’ambjent fejn hemm nuqqas kbir ta’ riżorsi, b’mod partikolari nuqqas ta’ placements li jistgħu jlaħħqu mal-bżonnijiet tat-tfal li jitneħħew minn djarhom.
Qalet li aċċess għal kura alternattiva jinkludi kemm servizzi speċjalizzati tal-fostering kif ukoll servizzi residenzjali, li huma limitati ħafna u skarsi.