Il-captain tal-Afrika T’Isfel irid iħalli impatt pożittiv fuq it-tfal ta’ pajjiżu

Il-captain tat-tim tar-rugby tal-Afrika T’Isfel Siya Kolisi qal li jispera li r-rebħa tat-Tazza tad-Dinja fil-Ġappun isservi ta’ ispirazzjoni għal kull tifel u tifla fl-Afrika. It-tim irnexxielu jirbaħ il-finali kontra l-Ingilterra bl-iskor ta’ 32-12.

Kolisi li sar l-ewwel captain b’karnaġġjon skur għat-tim tal-Afrika T’Isfel li refa’ t-tazza, qal li r-rebħa se tgħaqqad il-pajjiż flimkien. Hu stqarr li kellhom mira waħda u laħquha.

Kolisi li kiber f’raħal fqir ftit ‘l barra minn Port Elizabeth, ħallas biljett lil missieru għall-ewwel darba biex ikun jista’ jarah jirrappreżenta l-pajjiżu fil-Ġappun. Hu qal li ma jista’ qatt jinsa minn fejn hu ġej jew jinsa lin-nies li għenuh jasal fejn wasal, għalhekk ħass li għandu jiċċelebra ma’ missieru.