Il-Captain Morgan tiċħad li tat donazzjoni ta’ €108,000 lill-PL

Read in English.

Il-kumpanija Captain Morgan ċaħdet rapporti li jgħidu li hija tat donazzjoni ta’ €108,000 lill-Partit Laburista fil-maratona ta’ ġbir ta’ fondi li għamel nhar il-Ħadd li għadda.

Il-kandidat indipendenti Arnold Cassola għadda lment lill-Kummissarju Elettorali għaliex qal li d-donazzjoni li tat il-kumpanija u l-ħaddiema tal-Captain Morgan lill-Partit Laburista hija eżempju ċar ta’ korruzzjoni. 

Waqt il-maratona ġbir ta’ fondi għall-partit, il-PL ġabar total ta’ €615,123. Cassola qal li l-kumpanija Captain Morgan tat total ta’ €108,000 minn dawn. Fl-ilment, Cassola tkellem dwar prattiċi korrotti mill-Partit Laburista u qal li d-donazzjoni tal-Captain Morgan tammonta għal 17% tad-donazzjonijiet li rċieva l-Partit Laburista.

Il-kumpanija ħarġet stqarrija llum u qalet li r-rapporti dwar dan jiżgwidaw lin-nies. Skontha, il-fatti huma li d-donazzjoni li saret lill-Partit Laburista kienet parti mid-donazzjonijiet miġburin mill-kumitat tal-Partit Laburista fin-Naxxar, u l-fondi nġabru mir-residenti tan-Naxxar. Il-Captain Morgan qalet li d-donazzjoni kienet ta’ €3,000, li hu fil-limitu legali.

Fl-aħħar xhur, il-Gvern għamel 40 jum iħallas għall-użu tal-vapuri tal-Captain Morgan (kif ukoll tas-Supreme Cruises) biex fuqhom iżomm l-immigranti li kienu ġew salvati mill-għarqa. L-għajta kienet li ladarba li l-portijiet tal-pajjiż kienu magħluqin minħabba l-pandemija tal-coronavirus, l-immigranti li kienu qed ifittxu l-ażil kienu ta’ periklu fil-pajjiż.

Il-Gvern kien qed iħallas €3,000 kuljum għal kull vapur. Cassola qal li f’ċertu punt, il-Captain Morgan kienet qed taqla’ mad-€9,000 kuljum. Qal li l-flus li ġemmgħet il-kumpanija, spiċċaw għaddew għand il-Partit Laburista permezz ta’ din id-donazzjoni.