Il-CABS qed ixxerred informazzjoni qarrieqa – FKNK

L-Assoċċjazzjoni tal-Kaċċaturi u Nassaba, l-FKNK qalet li l-leaflets li qed jitqassmu mill-volontiera tal-CABS għandhom informazzjoni ħażina u qarrieqa.

Fi stqarrija, l-FKNK qalet li l-CABS qed tħeġġeġ lin-nies biex jirrapurtaw illegalitajiet li huma foloz.

L-istess assoċjazzjoni qed tisħaq li ta’ kuljum, il-volontiera tal-CABS qed jimirħu f’żoni privati mingħajr ebda kunsiderazzjoni lejn id-drittijiet tal-propjetarji privati.  

L-istqarrija tgħid kif, għal kuntrarju ta’ dak li qed tgħid il-CABS, il-kaċċa ma kinetx permess li ssir wara s-1pm tal-Ħdud u festi pubbliċi, mill-1 ta’ Settembru sal-31 ta’ Jannar.

Finalment, l-FKNK saħqet li t-tattiċi ta’ provokazzjoni minn naħa tal-CABS issa qabżu kull limitu ta’ tolleranza mill-assoċjazzjoni. Saħqet li l-FKNK qed tiġbed l-attenzjoni lill-Kummissarju tal-Pulizija biex tittieħed l-azzjoni neċessarja.