Il-bżonn tal-għoti tad-demm ma jieqaf qatt!

Illum il-Ġimgħa 8 ta’ Mejju, qed jiġi kkommemorat Il-Jum Dinji tat-Talassemija. B’rabta ma’ dan il-Jum, tajjeb li wieħed isemmi li fil-gżejjer tagħna hawn madwar 30 persuna, b’etajiet li jvarjaw minn 5 snin sal-fuq minn 60 sena, li jbatu minn din il-kundizzjoni u li bejn wieħed u ieħor kull pazjent ikollu bżonn trasfużjoni ta’ madwar 4 boroż tad-demm kull 4 ġimgħat, u dan għal tul ħajtu kollha.  

Imbagħad, nhar il-Ħadd 10 ta’ Mejju ser jiġi mfakkar Jum l-Omm, ġurmata li fiċ-ċirkostanzi preżenti ser ikun jum ferm differenti minn oħrajn fis-snin l-imgħoddija. Fi żminijiet differenti minn oħrajn, ikun ġest sabiħ li f’dan il-jum speċjali wieħed jikkonsidra li jagħti d-demm bil-għan li jgħin lill-ommijiet b’diffikultajiet relatati mat-tqala u mal-ħlas, kif ukoll lil ommijiet oħra li bħalissa qed jiġu rikoverati fl-isptarijiet tal-gżejjer tagħna.

B’rabta mal-bżonn tad-demm għal dawn il-pazjenti wieħed jista’ jersaq biex jagħti d-demm:

· fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum 7 ijiem fil-ġimgħa (inkluż fil-festi pubbliċi) mit-8:00am sas-6:00pm

·  fil-Mobile Blood Donation Unit li nhar Il-Ħadd 10 ta’ Mejju, mit-8:30am sas-1:00pm ser ikun maġenb il-Knisja Parrokkjali ta’ Ħaż-Żebbuġ.

· fil-Berġa tax-Xewkija li nhar Il-Ħadd 10 ta’ Mejju ser tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm.

Huwa importanti li wieħed iġib il-Karta tal-Identità, jew il-Liċenzja tas-Sewqan jew Passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.

Nota importanti!

Minħabba l-imxija tal-COVID-19 qed jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi protett kulmin jersaq biex jagħti d-demm, kif ukoll il-professjonisti tas-Servizz.