Il-Bypass tal-Mellieħa se titranġa fit-3 xhur li ġejjin – Infrastructure Malta

MTIP

Infrastructure Malta qalet li l-Bypass tal-Mellieħa se titranġa bejn Ottubru u Diċembru li ġejjin, wara li l-kuntratturi li kellhom jibnu din it-triq mill-ġdid fl-2018 ma għamlux ix-xogħol kollu kif suppost.

Kelliem għal Infrastructure Malta (IM) qal lil Newsbook.com.mt li wara li sar ix-xogħol fuq il-Bypass, li jisimha Triq Louis Wettinger, l-aġenzija għamlet testijiet tekniċi ta’ rutina biex tivverifika l-kwalità tax-xogħol.

Il-kelliem qal li “dawn it-testijiet ikkonfermaw li partijiet mill-wiċċ tal-asfalt tat-triq jeħtieġ li jitranġaw.” Spjega li x-xogħlijiet se jsiru mill-kuntratturi tal-proġett, bi spejjeż għalihom.

“It-tiswijiet kienu skedati li jsiru aktar kmieni din is-sena. Madankollu, Infrastructure Malta talbet lill-kuntratturi jipposponuhom, peress li fl-istess inħawi kienu għaddejjin proġetti oħra li kienu jeħtieġu li Triq Louis Wettinger tintuża bħala rotta alternattiva.”

IM talbet li ma jsirux xogħlijiet fil-Bypass sakemm ikunu lesti dawn it-tliet proġetti oħra. Talbet ukoll li lanqas isiru xogħlijiet f’din it-triq fis-sajf, peress li tinsab fir-rotta ewlenija lejn Għawdex u lejn diversi bajjiet popolari fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta.

Issa li dawn ix-xogħlijiet waslu biex jitlestew u s-sajf kważi ntemm, Infrastructure Malta talbet lill-kuntratturi sabiex jagħmlu t-tiswijiet ta’ Triq Louis Wettinger fl-aħħar kwart tas-sena. F’dawn ix-xhur, din it-triq tkun qed tintuża ferm inqas minn żminijiet oħra. It-tiswijiet meħtieġa ser jitlestew sal-aħħar tas-sena.

IM qalet li l-Bypass tal-Mellieħa li jisimha Triq Louis Wettinger inbniet mill-ġdid fl-2018 “biex tkun aktar sigura”. Spjegat li fost ix-xogħol li sar, saret struttura ġdida tal-konkos biex issaħħaħ l-ilqugħ mal-ġenb tal-karreġġjata tat-tramuntana, ġew introdotti crash barriers, u saret sistema ġdida ta’ lampi fuq arbli. Qabel, it-triq ma kellhiex dawl. Il-Bypass issa għandha wkoll korsija għar-roti b’tul ta’ 1.4 kilometri.  Il-proġett sewa €2 miljun.

Fl-2018, il-Ministru Ian Borg qal li l-bypass tal-Mellieħa trid tingħata wiċċ ġdid u għandu jħallasha l-kuntrattur peress li x-xogħol li sar ma kienx ta’ kwalità tajba.

Parti mill-bypass tal-Mellieħa mhux ta’ kwalità – Ian Borg