​Il-Bypass tal-Mellieħa se tibqa’ fuq erba’ korsiji – Ian Borg

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg wieġeb għall-kritika li qed issir fil-konfront ta’ Transport Malta, li kuntrattur qed jigi aġevolat bil-konsegwenza li ngħalqet korsija sħiħa fil-Bypass tal-Mellieħa biex isir xogħol ta’ kostruzzjoni.
Meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-deputat tal-Oppożizzjoni Godfrey Farrugia, il-Ministru qal li l-Bypass tal-Mellieħa (Triq Louis Wettinger) se tibqa' bl-istess ammont ta' korsiji li għandha bħalissa, jiġifieri tnejn f'kull direzzjoni.
Żied jgħid li l-pjani li ftit tal-jiem ilu tħabbru wara li  kienu ppreżentati lill-Kunsill Lokali Mellieħa juru biċ-ċar kif din it-triq se tiġi upgraded sabiex tkun iddisinjata aħjar, b'inqas riskji ta' inċidenti u b'faċilitajiet għal dawk li jużaw ir-roti.
Fl-istess waqt, stqarr li se titjieb ukoll il-konnessjoni bejn dan il-Bypass u t-triq tal-Miżieb, kif ukoll f'waħda mill-junċtions li tgħaqqad uħud mit-toroq residenzjali mal-Bypass.
Huwa qal li l-pjani oriġinali kienu jinkludu t-tneħħija ta’ waħda mill-erba’ korsiji tal-Bypass bħala miżura ta’ sigurtà iżda dawn issa ġew riveduti.
Stqarr li l-ħidma, li se tibda fil-ġimgħat li ġejjin, tfisser investiment ta' madwar €2 miljun.  
Il-Partit Demokratiku qal fi stqarrija li d-deputati Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia bagħtu ittra lill-Awditur Ġenerali jitolbu investigazzjoni dwar dik li sejħu għoti irregolari ta' art pubblika għall-interessi privati.