Il-bypass l-antika ta’ Marsaskala b’aċċessibbiltà għall-mixi u r-roti

Infrastructure Malta qed tibni mill-ġdid Triq Wied il-Għajn u Triq Ħaż-Żabbar biex tintroduċi korsija ġdida għall-mixi u r-roti mifruda mit-triq bejn Ħaż-Żabbar u Wied il-Għajn.

Dan il-proġett ta’ madwar €2 miljun f’żewġ fażijiet se jibda bil-bini mill-ġdid tal-karreġġjati taż-żewġ toroq, li se jibqgħu b’żewġ korsiji imma se jkunu disinjati mill-ġdid f’inqas spazju, u b’allinjament aktar sigur. Dan id-disinn se jiftaħ l-ispazju meħtieġ għat-tieni fażi tal-proġett, u li tinkludi l-passaġġ għall-mixi u r-roti, waqfiet aktar siguri għall-karozzi tal-linja u 2,000 metru kwadru ta’ żoni ġodda msebbħin b’siġar u pjanti.

Infrastructure Malta qalet li ż-żewġ toroq eżistenti, magħrufin bħala l-bypass l-antika ta’ Wied il-Għajn, bħalissa m’għandhomx faċilitajiet adekwati għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi, bit-trasport pubbliku jew bir-rota. Matul it-tieni fażi tal-proġett, Infrastructure Malta se tibni l-korsija ġdida għall-mixi u r-roti, li se tkun mifruda mill-korsiji għall-karozzi permezz ta’ kurduni tal-konkos u żoni bis-siġar u pjanti oħrajn. Is-siġar kbar li hemm fuq ġenb ta’ Triq Wied il-Għajn se jinżammu u jiġu inkorporati f’din l-istrippa ġdida bil-ħamrija. Ħafna minn din l-infrastruttura se tinbena fl-ispazju tat-toroq eżistenti, ħlief għal partijiet żgħar mill-korsija ġdida għar-roti li se jkollhom jinbnew fuq art agrikola li hemm biswithom.

Il-korsija għall-mixi u r-roti f’żewġ direzzjonijiet miksija bl-asfalt se testendi għal aktar minn kilometru tul iż-żewġ toroq biex toħloq konnessjoni aktar sigura u effiċjenti għall-ivvjaġġar b’mezzi alternattivi bejn iż-żewġ lokalitajiet. Din se tkun ir-raba’ korsija għall-mixi u r-roti tat-tip tagħha f’Malta. L-ewwel waħda nbniet tul Triq l-Aħħar Ħbit mit-Torok, bejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun, fl-2019.

Il-proġett jinkludi wkoll tisħiħ tas-sistemi għad-distribuzzjoni tas-servizzi li hemm għaddejjin taħt iż-żewġ toroq, spralli ġodda għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita u sistemi biex idawlu l-karreġġjati tal-karozzi u l-korsija għall-mixi u r-roti. Fejn meħtieġ, se jinbnew ukoll ħitan ġodda mal-ġnub tat-triq.

L-ewwel fażi tal-proġett hija skedata li tibda fil-ġimgħat li ġejjin. It-tieni fażi tkun lesta f’Jannar 2021.