Il-Bużaqq u l-Qabru jsiru speċi nazzjonali bis-saħħa ta’ qafas legali ġdid

L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) iddikjarat il-Bużaqq u l-Qabru bħala speċi nazzjonali.
Numru ta’ speċi kienu ġew iddikjarati bħala speċi nazzjonali fil-passat, bħall-Merill, l-għasfur nazzjonali, l-Għargħar, is-siġra nazzjonali, u Widnet il-Baħar, il-pjanta nazzjonali.
Però l-ERA qalet li dawn id-dikjarazzjonijiet ma kinux ġew segwiti minn liġijiet iddedikati għal dan il-għan.
Allura barra mill-ħtieġa biex l-ispeċi li kienu diġà ddikjarati tali jingħataw regolament iddedikat għalihom, inħasset ukoll il-ħtieġa li jiġu miżjuda aktar speċi biex iservu ta’ simboli għall-bijodiversità tal-Gżejjer Maltin.
Kien għalhekk li twaqqaf qafas legali għad-dikjarazzjoni ta’ speċi nazzjonali, li ma waqafx biss mad-dikjarazzjoni ta’ liema speċi huma speċi nazzjonali, iżda jinkludi wkoll kriterji għall-għażla ta’ speċi ta’ flora u fawna bħala speċi nazzjonali li jkunu jistgħu jiżdiedu fil-ġejjieni permezz tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent.
L-ERA rrimarkat li r-regolamenti l-ġodda jinkludu wkoll t-tisħiħ tal-ħarsien legali ta' dawn l-ispeċi nazzjonali permezz ta’ żieda fil-penali għall-konravenzjonijiet fuq dawn l-ispeċi. Il-liġi wkoll tippromwovi l-konservazzjoni, is-sorveljanza u l-monitoraġġ ta’ dawn l-ispeċi.
Jekk trid issir taf aktar dwar ir-regolamenti ġodda dwar il-Ħarsien ta’ Speċi Protett żur hawnhekk.