Il-Bużaqq jinħeles fil-Magħluq biex jerġa’ jitkattar

Proġett appoġġjat mill-BOV qed jerġa’  jintroduċi ħuta endemiku magħrufa bħala l-Bużaqq fl-ibħra Maltin.

Dalgħodu,125 Bużaqq endemiku, jew ‘killifish’ ġew introdotti mill-ġdid fil-Magħluq f’Wied il-Għajn bħala parti mill-Killifish Conservation Project.

Il-proġett tnieda fl-2015 minn Nature Trust Malta (NTM) u l-Malta Aquaculture Research Centre (MARC) fi ħdan id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura, bl-appoġġ tal-Bank of Valletta, il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima u il-Malta Environment and Planning Authority.

Ħames koppji tal-ħuta endemika mhedda’  li l-isem tekniku tagħha hu Aphanius Fasciatus ġew maqbuda u minnhom trabbew madwar 500 ħuta fil-kattivita’.

Meta kien qed jitkellem waqt ir-rilaxx ta’ madwar 125 ħuta ġo gaġġa protettiva fil-Maghluq ta’ Wied il-Għajn, il-President Eżekuttiv tan-Nature Trust, Vincent R Attard, qal ‘Il-bużaqq hija l-unika ħuta lokali li tgħix fl-ilma salmastru. In-numri tagħha ilhom jonqsu fil-Magħluq minħabba ħmieg, predaturi u l-kwalità ħażina tal-ilma, kif ukoll sparixxew kompletament mill-Ballut f’Marsaxlokk’

‘Aktar minn 500 ħuta kienu mrobbija f’kundizzjonijiet preżenti fil-Magħluq, inkluż it-trobbija ta’ gambli u fawna li huma l-ikel prinċipali għall-ispeċi,’ kompla s-Sur Attard.

Sadanittant, Nature Trust ħadet f’idejha il-ħarsien ta’ dan il-post u tnaddaf sew sabiex ikun provdut habitat ottimali għall-ħut introdotti hawn.

Tittieħdu miżuri oħra ta’ prevenzjoni għaż-żona biex tinkludi l-installazzjoni tal-kameras tas-CCTV waqt li għaddejjin diskussjonijiet biex jiġi inkluż is-sit fuq ir-rotot tal-karozzi hop-on-hop-off.