​Il-burdnara fil-Port Ħieles trattati ħażin – GRTU

It-taqsima tal-burdnara fi ħdan il-Kamra Maltija għan-Negozji Żgħar u Medji (GRTU) esprimiet it-tħassib tagħha dwar dewmien żejjed u l-mod li bih qed jiġu trattati burdnara li jaħdmu fil-Port Ħieles.
Skont il-GRTU, id-dewmien jinħass l-aktar nhar ta’ Tnejn meta jidħlu ammonti kbar ta’ trailers. Qalet li hemm bżonn aktar riżorsi u investimenti mill-Malta Freeport Corporation biex il-ħruġ tat-trailers ikun faċilitat.
Il-GRTU trid li tinfetaħ gate oħra u li jiżdiedu l-ħaddiema biex jitħaffef il-proċess.
Fi kliem il-GRTU hemm gate eżisteni li għandha tintuża għall-ħruġ ta’ Roro trailers u xogħol ieħor konvenzjonali bħal żrar u ħadid. “Il-gate prinċipali u eżisteni għandha tibqa tintuża biss għall-ħruġ ta’ kontejners”.
Il-GRTU qalet ukoll li scanning tal-kontejners għandu jsir mal-wasla tagħhom f’Malta għall-effiċjenza.
Appellat ukoll biex titwaqqaf kompetizzjoni inġusta bejn tipi differenti ta’ trailers.
Il-GRTU qalet li minkejja li saru laqgħat mal-Awtoritajiet dwar dawn il-punti ma kien hemm l-ebda żviluppi. Jekk ma tarax tibdil f’għaxart ijiem, se tieħu “l-azzjonijiet kollha meħtiega.”