Il-Bulgarija pont bejn il-Lvant u l-Punent

Papa Franġisku jgħid l-Angelus quddiem ikona tal-Madonna Nessebar li d-devozzjoni lejha kien bdiha San Ġwanni XXIII

Papa Franġisku beda l-vjaġġ tiegħu fil-Bulgarija u l-Macedonia dalgħodu bl-ewwel waqfa fil-kapitali Bulgara fejn f’inidirizz li għamel lill-awtoritajiet tal-pajjiż, is-soċjetà ċivili u membri tal-korp diplomatiku ddeskriva dan il-pajjiż bħala “pont bejn il-Lvant u l-Punent li kapaċi jilqa’ fih il-laqgħa bejn kulturi differenti, gruppi etniċi, ċiviltajiet u reliġjonijiet li għal sekli sħaħ għexu fil-paċi f’dan il-pajjiż”.

Il-Papa faħħar lill-Bulgarija u qal li “hawn, id-diversità flimkien mar-rispett għal identitajiet distinti, hi meqjusa bħala opportunità li ssaħħaħ u mhux sors ta’ kunflitt”.

San Ċirillu u San Metodju

Huwa fakkar iż-żjara li San Ġwanni Pawlu II kien għamel f’dan il-pajjiż f’Mejju tal-2002 u semma kif il-futur San Ġwanni XXIII kien serva għal għaxar snin sħaħ bħala Delegat Apostoliku f’Sofia.

Huwa fakkar ukoll lil San Ċirillu u San Metodiu li evanġeliżżaw lill-popli Slavi u llum huma patruni tal-Ewropa. Sejħilhom “ispirazzjoni għal djalogu, armonija u laqgħa fraterna bejn il-Knejjes, Stati u Popli”.

Papa Franġisku qal li dan hu mument storiku għall-Bulgarija “tletin sena wara l-waqa’ tar-reġim totalitarju li kien ikkalzra l-libertà u l-inizjattiva fil-pajjiż”. Tkellem dwar l-effetti tal-emigrazzjoni f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, li rat aktar minn ħewġ miljun Bulgaru jitilqu mill-pajjiż biex ifittxu mpjieg. Dan flimkien ma dik li l-Papa sejjaħ “xitwa demografika” fejn naqsu t-trabi li twieldu, “wasslet biex ħafna bliet u rħula tbattlu min-nies u kienu abbandunati”.

Inkoraġġiment u stedina

Il-Papa ħeġġeġ lill-mexxejja tal-Bulgarija  biex ikomplu joħolqu kundizzjonijiet li jagħtu ċans liż-żgħażagħ “jinvestu l-enerġija żagħżugħa tagħhom u jippjanaw il-futur tagħhom”, għax jafu li jista’ jkollhom “ħajja dinjituża” f’pajjiżhom stess. Hu stieden lill-poplu Bulgaru “li huma familjari mad-drama tal-emigrazzjoni” biex ma jagħlqux għajnejhom, qalbhom jew idhom “lil dawk li jħabbtu fuq il-bieb tal-pajjiż”.

Hu ssuġerixxa li għandna nipprofittaw mill-ospitalità tal-poplu Bulgaru biex kull reliġjon tkun tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ “kultura ta’ rispett għall-persuna umana u tiċħad kull forma ta’ vjolenza”. B’hekk, qal il-Papa Franġisku, dawk li jfittxu li “jimmanipulaw u jesplojtaw ir-reliġjon joħorġu telliefa”.

F’okkażżjoni aktar tard matul il-ġurnata tal-lum, wara l-Angelus il-Papa Franġisku fakkar lill-Papa San Ġwanni XXIII li fil-Bulgarija jsejħulu “Il-Qaddis Bulgaru” li fl-għaxar snin li dam f’dan il-pajjiż kien żvilupp devozzjoni speċjali lejn il-Madonna ta’ Nessebar li baqa’ jqimha sakemm miet.  Il-Papa qal ir-Reġina Coeli quddiem ikona ta’ din il-Madonna.

Il-Papa qal li l-esperjenza diplomatika u pastorali ta’ Ġwanni XXIII f’dan il-pajjiż ħalliet marka kbira fil-qalb tiegħu li beda d-djalogu ekumeniku li fil-Konċilju Vatikan II ngħata importanza kbira. “Għandna nirringrazzjaw lil dan il-pajjiż għall-intuwizzjoni ispirata u għaqlija tat-“twajjeb Papap Giovanni”.

Il-Bulgarija hi pajjiż Ortodoss fejn il-Kattoliċi huma biss 0.5% tal-popolazzjoni ta’ 7 miljun persuna. Madankollu hi post fejn jiltaqgħu diversi espressjonijiet reliġjużi u jiddjalogaw.