Aġġornata: Jitwaqqgħu l-akkużi kontra bugħaddas akkużat bi qtil f’Għawdex

Aġġornata fit-3.30pm:
L-awtoritajiet Maltin waqqgħu l-akkużi ta' qtil involontarju fil-konfront tal-bugħaddas Stephen Martin.
Martin kien qed jiffaċċja akkużi b'rabta mal-mewt tal-għaddasa Larissa Hooley u Nigel Haines f'Ġunju tal-2014 f'Għawdex.
Permezz ta' Facebook, il-British Sub-Acqua Club qal li l-akkużi kollha fil-konfront ta' Martin twaqqgħu mill-awtoritajiet Maltin wara li membri tal-klabb iltaqgħu mal-Avukat Ġenerali l-ġimgħa li għaddiet.
Iktar kmieni:
Bugħaddas Ingliż li jinsab akkużat bi qtil involontarju ta' żewġ persuni f'Għawdex, se jitressaq il-Qorti fir-Renju Unit nhar l-Erbgħa li ġej.
Stephen Martin se jappella kontra l-mandat Ewropew tal-estradizzjoni lejn Malta u se jitlob li ma jgħaddix ġuri. 

Il-każ imur lura għal Ġunju tal-2014 meta t-tfajla ta' Martin, Larissa Hooley ta' 48 sena u Nigel Haines ta' 59 sena kienu qed jgħoddsu fl-inħawi tad-Dwejra. 
Martin, li huwa scuba instructor u li kien hemm waqt l-inċident, qed jiġi akkużat b’negliġenza u li l-inċident seħħ minħabba nuqqas ta’ attenzjoni fuq l-għaddasa.
Akkużat ukoll li kellu r-responsabiltà li jwaqqaf it-taħriġ minħabba li t-temp ma kienx jippermetti.
Stephen Martin qal li ma kienx infurmat bl-inkjesta u ċaħad l-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu.
Martin sostna li kien sorpriż meta ġie arrestat u li kien iċċekkja t-temp qabel. Stqarr li l-każ tiegħu qed jiskoraġixxi lill-għaddasa Ingliżi biex jitħarrġu fil-Gżejjer Maltin għax l-inċident li seħħ lilu jista’ jiġri lilhom.
L-avukat ta’ Stephen Martin se jargumenta li m’hemmx akkuża ekwivalenti għal omiċidju involuntarju fil-liġi tar-Renju Unit u għaldaqstant m’għandux jiġi estradit biex jaffaċċja l-akkużi f’Malta.
Reazzjoni GTA
L-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f'Għawdex innutat b'interess it-tmiem tal-proċeduri legali dwar l-inċident li seħħ fid-Dwejra fl-2014.
Filwaqt li esprimiet il-kondoljanzi lill-familji taż-żewġ għaddasa li tilfu ħajjithom, il-GTA tħossha sodisfatta li issa dan jista' jitqies bħala kapitlu magħluq.
Irringrazzjat lill-imsieħba kollha li fl-aħħar xhur ikkollaboraw magħha dwar dan il-każ, b'mod partikolari lill-Awtorità tat-Turiżmu f'Malta.