Il-Baġit Ewropew se jindirizza l-pandemija u l-iżvilupp sostenibbli – Dr Joanna Drake

Read in English.

Il-baġit tal-Unjoni Ewropea se jiġi rivedut biex jinkorpora d-diffikultajiet ekonomiċi kkawżati mill-coronavirus waqt li jixpruna l-istati membri ‘l barra mill-emerġenza. Il-mexxejja Ewropej iltaqgħu fl-24 ta’ April biex jiddiskutu il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li għandu jidħol fis-seħħ fil-bidu tas-sena d-dieħla.

Il-kapijiet tal-istati kienu unanimi fid-deċiżjoni tagħhom li jintegraw ir-risposta għall-pandemija fil-baġit ta’ seba’ snin iżda, sa tmiem il-laqgħa virtwali, kienu għadhom ma qablux dwar id-dettalji tal-finanzjament.

Joanna Drake, id-Deputat Direttur Ġenerali fid-dipartiment tal-Ambjent tal-Kummissjoni Ewropea, qalet li l-mexxejja għamlu diversi tentattivi biex jilħqu kompromessi, iżda l-kwistjonijiet dwar il-metodu, il-qies u ż-żmien tat-tqassim tal-fondi baqgħu ma ġewx riżolti.

“Diġà kien hemm xi nuqqas ta’ ftehim dwar il-proposti oriġinali tal-QFP, iżda d-differenzi issa ħadu dimensjoni ġdida bl-impatt tal-coronavirus,” spjegat Dr Drake.

L-ewwel punt huwa dwar il-qies tal-baġit f’relazzjoni mal-PGD tal-pajjiżi u l-gvernijiet għad iridu jaslu għal ftehim dwar is-somma totali tal-fond. Punt ieħor tad-diskussjoni kien dwar il-forma tal-għajnuna finanzjara, hekk kif xi mexxejja qed jargumentaw favur self u oħrajn favur għotjiet. Spanja qed tipproponi triq tan-nofs b’sistema ta’ ‘self perpetwu’ fejn il-pajjiżi jħallsu l-interessi iżda mhux is-somma attwali li tkun ingħatat. Din il-proposta ma kellhiex l-appoġġ unanimu tal-mexxejja.

It-tielet punt ta’ diverġenza huwa dwar iż-żmien ta’ meta se jkunu disponibbli l-fondi u jekk humiex se jkunu ħarġu sal-aħħar ta’ din is-sena. Din id-diskussjoni tiddependi ħafna fuq iż-żewġ punti l-oħra.

Id-Deputat Direttur-Ġenerali qalet li issa jmiss li l-Kummissjoni Ewropea li tiġi lura bi proposti ġodda dwar il-QFP li jaf ikun isarraf fi triljuni ta’ ewro. Il-baġit rivedut se jkun ippreżentat fis-6 ta’ Mejju u huwa mistenni li jagħti prijorità lill-iżvilupp sostenibbli biex imexxi l-ekonomiji Ewropej fil-futur.

“Dan il-baġit se jqis l-effetti tel-emerġenza tal-Covid-19 u jgħin b’mod attiv lill-istati membri biex joħorġu minnhom,” qalet Dr Drake. “Fl-istess ħin, dan se jiggwida l-investiment fl-UE f’setturi ta’ żvilupp sostenibbli fosthom teknoloġiji nodfa, enerġija rinnovabbli, mobbilità mingħajr tniġġis u oħrajn.”

Matul is-Summit, il-mexxejja approvaw formalment il-pakkett ta’ salvataġġ ta’ €540 biljun li kien maqbul mill-ministri tal-finanzi Ewropej f’April.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn