Il-BRO mhux NGO għandu joħloq reġistru tal-kuntratturi – Ombudsman

Google Maps

Read in English.

L-Uffiċċju tal-Ombudsman qal li l-Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini (BRO) għandu jkun hu li joħloq reġistru tal-kuntratturi u mhux jiddelega dan ix-xogħol lill-Assoċċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA), għaqda volontarja.

Dan ħareġ minn investigazzjoni li saret mill-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar dwar il-BRO. Newsbook.com.mt akkwista kopja tar-rapport.

Il-Kummissarju fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman qal li l-BRO aġixxa b’mod irregolari meta ddelega l-funzjonijiet tiegħu lill-MDA. Il-Kummissarju qed jirrakkomanda li l-BRO għandha toħloq reġistru tagħha stess.

F’Lulju l-MDA qalet li sa Settembru 2019 se jkun hemm lista ta’ kuntratturi u bennejja. Il-President tal-MDA Sandro Chetcuti qal li l-MDA ngħatat il-mandat biex tagħmel reġistru tal-benneja bil-liċenzja u bla liċenjza u tal-kuntratturi tal-iskavar u tat-twaqqigħ. Iddeskriva dan bħala “rivoluzzjoni” fl-industrija tal-kostruzzjoni. Kull applikazzjoni tiswa €50.

Filmat: Lista ta’ kuntratturi u bennejja sa Settembru – MDA

Dak ix-xahar stess, l-Uffiċċju tal-Ombudsman irċieva lment dwar il-BRO li ddeċieda li jaħtar lill-MDA biex tibda tirreġistra l-kuntratturi f’Malta. Fost tħassib li tqajjem intqal li l-MDA issa se jkollha informazzjoni sensittiva dwar kuntratturi li wħud minnhom huma kompetituri ta’ persuni fi ħdan l-amministrazzjoni tal-MDA. Intqal li dan imur kontra l-liġi tal-kompetizzjoni.

Ftit jiem wara li daħal l-ilment, skattat investigazzjoni dwar il-każ.

Fil-korrespondenza tagħha mal-Kummissarju, il-BRO qal li ma hemm xejn fil-liġi li tipprojbixxi dak li għamel mal-MDA. Il-Kummissarju qal li dan mhux veru.

Il-BRO qal li kien se jkun qed jagħmel reġistru “aktar tard”. Dan wara li jkun hemm reġistru volontarju biex jieħdu idea tad-dinamika tas-sitwazzjoni.

Il-Kummissarju qal li skema volontarja qatt ma tista’ titfa’ dawl fuq is-sitwazzjoni kurrenti peress li l-iskema qed issir fuq bażi volontarja. Qal li għalhekk in-numri jista’ jkunu ‘l bogħod minn kif inhuma fil-verità.

L-Uffiċċju tal-Ombudsman qal li l-MDA ma kinitx involuta fl-investigazzjoni peress li l-Ombudsman m’għandhux ġurisdizzjoni fuq l-MDA.

La l-Uffiċċju u l-anqas il-Ministeru ma ddelegaw setgħa mogħtija lilhom fl-Att dwar ir-regolamenti tal-bini lill-Malta Developers Association – L-Uffiċċju għar-Regolament tal-Bini.

Fl-istqarrija maħruġa mill-Uffiċċju kien spjegat kif f’Lulju tal-2019, il-Malta Developers Association kienet mistiedna tiġbor informazzjoni dwar x’ħiliet jeżistu fis-suq tal-kuntratturi u x’ħiliet jirrikjedi s-suq emerġenti. Dan sar bl-intenzjoni li l-Gvern ikun f’pożizzjoni li jfassal regolamenti biex jirregolaw ir-reġistrazzjoni ta’ kuntratturi hekk kif mitlub fl-Artikolu 4(1) tal-Att dwar ir-Regolamenti tal-Bini.

L-Uffiċċju qal li ma jsitax jifhem kif il-Kummissarju tal-Ambjent u l-Ippjanar wasal għall-konklużjoni li dan l-uffiċċju ddelega xi poter mhux awtorizzat bil-liġi.