Il-British Airways tissospendi t-titjiriet lejn iċ-Ċina

Il-linja tal-ajru British Airways qed tissospendi t-titjiriet tagħha lejn iċ-Ċina. Dan qed tagħmlu fid-dawl tat-tixrid tal-Coronavirus. Ilbieraħ stess il-Gvern Ingliż qal li l-ivjaġġar lejn iċ-Ċina għandu jkun limitat għal dak essenzjali.

Sadanittant għadd ta’ pajjiżi qegħdin jieħdu numru ta’ deċiżjonijiet biex jevakwaw liċ-ċittadini ta’ pajjiżhom. Anke l-organizzazzjoni dinija tas-saħħa (WHO) kellha laqgħat f’dan ir-rigward mal-Gvern Ċiniż.

Telgħu għal erbgħa l-każijiet konfermati tal-Coronavirus fil-Ġermanja, wara l-Ministeru tas-Saħħa konferma li kienu nstabu tliet persuni oħra infettati fir-reġjun tal-Bavarja. 

Dan filwaqt li fi Franza wkoll kien hemm ir-raba’ każ konfermat tal-virus li s’issa qatel aktar minn 100 persuna fiċ-Ċina.

Fl-istess ħin il-media fl-Emirati Għarab Magħquda qed jirrapportaw l-ewwel każ konfermat tal-infezzjoni f’dan il-pajjiż fil-Golf Persjan.

Sadattinat diversi pajjiżi Ewropei bdew l-evakwazzjoni taċ-ċittadini tagħhom miż-żoni milquta l-agħar minn dan il-virus fiċ-Ċina.

Fi żvilupp ieħor, fl-Awstralja xjentisti rnexxielhom joħolqu dan il-virus f’laboratorju. Żvilupp meqjus important ħafna fil-ġlieda kontra l-marda peress li dan jista’ jwassal biex tkun prodotta kura għal virus. Xi haġa li s’issa m’hawnx.