Il-Brikkuni joħorġu l-ewwel kanzunetta mir-raba’ album tagħhom

Il-grupp Brikkuni lbieraħ ħarġu l-ewwel kanzunetta tagħhom mir-raba’ album li se jkun jismu Il-Ħajja, il-Mewt, in-Nisa. Il-kanzunetta, Aħfirli Missier Għax Ser Nerġa’, tieħu xejra differenti mill-aħħar album tal-grupp, Rub Al Khali, li kien iżjed malinkoniku.

Filwaqt li Rub Al Khali kien imsejjes fuq relazzjoni romantika tal-kantawtur tal-Brikkuni, Mario Vella, u l-ħsus li ħalliet warajha r-relazzjoni, Vella stqarr li din il-kanzunetta hija dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ missieru, li miet is-sena li għaddiet.

Il-lirika tal-kanzunetta tixhed dan, bil-kantant kontinwament jindirizza lil missieru u jgħidlu, fi frażi ripetuta, li jaf li lsienu jweġġa’, iżda kulma ried mingħandu kienet “tgħanniqa, imqar waħda bis-serqa.” Il-kanzunetta tilgħab b’ċerta ambigwità bejn il-figuri paterni: il-missier bijoloġiku, Alla bħala missier, u l-filmat jalludi wkoll għall-figura paterna ta’ Dom Mintoff fis-soċjetà Maltija, peress li Vella jidher iżomm ritratt tal-politiku u mbagħad jgħaffġu.

Il-filmat, li dderiġieh Ian Schranz, huwa mimli azzjoni, biż-żfin tas-seba’ membri tal-grupp u ta’ tmien żeffiena oħra, korjografat minn Steffi Schranz.

Brikkuni se jdoqqu fil-festival Earth Garden nhar il-Ħadd li ġej għall-ħabta tal-10.30pm. Aktar dettalji hawn.